Diskors b'saħħtu fid-dibattitu Parlamentari li għaddej bħalissa kien tad-Deputata Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici semmiet mara 'l fuq minn 60 sena b'tifel bi bżonnijiet speċjali. Mifsud Bonnici spjegat kif din kienet tingħata assistenza soċjali, liema għajnuna dan il-Gvern qabad u qata' mingħajr ma lanqas biss informa lil din il-mara. Id-Deputata Nazzjonalista qalet li għall-Prim Ministru din il-mara ma kinitx ġenwina, bħalma qed jgħid li hu ġenwin Konrad Mizzi. "Minflok avukat tal-ħaddiem u ta' min jinsab fil-prekarjat, minflok avukat ta' dawk li għandhom bżonn solidarjeta', Joseph Muscat qed ikun l-avukat difensur ta' dawk li jaħdmu Kastilja."
Mifsud Bonnici qalet illi filwaqt li l-Gvern jitratta lin-nies fuq il-benefiċċji bħala ħallelin, lil Konrad Mizzi "li nqabad bil-kontijiet" m'għamillu xejn.
Ftit warajha Robert Arrigo, Deputat Nazzjonalista, meta tkellem dwar il-ħlas ta' 50ċ fuq kull turist kull lejl li introduċa dan il-Gvern fl-aħħar baġit, iddeskriva l-Malta Hotels and Restaurants Assosciation (MHRA) bħala l-portavoce tal-Gvern. Huwa ħeġġeġ lill-Gvern biex jisma lill-istakeholders kollha. Arrigo qal li d-diskussjoni mhux qed issir biex tissejjaħ elezzjoni, imma biex il-Labour jirranġa lilu nnifsu "minn fuq s'isfel".