Il-Ministru għas-Saħħa u l-Enerġija Konrad Mizzi qal li jinsab dispaċut li l-Panama Papers iddistrattaw l-attenzjoni tal-poplu mill-ħdma li qed jagħmel il-Gvern. Fid-diskors tiegħu fil-Parlament dwar il-mozzjoni ta' sfiduċja fil-Gvern imressqa mill-PN, Konrad Mizzi sħaq għal bosta drabi li hu dejjem kien onest u huwa kunfidenti li r-riżultati tat-tax audit fil-konfront tiegħu se juru dan kollu. Kompla jgħid li, "tul dawn l-aħħar tmien ġimgħat kelli guri mill-media, u jkolli noqgħod għaliha la jien politiku. Kelli attakki strambi minn postijiet imbiegħda, fosthom l-Awstralja li kienu jikkoinċidu mad-dibattitu tal-Parlament. Fil-fatt," kompla jgħid Mizzi, "l-emails li ssemmew ma kellhom xejn x'jaqsmu miegħi, imma ma' klijenti oħra ta' Nexia BT."
Shame on you, not fit for purpose u ma kellix għalfejn ngħidlu jitlaq għax telaq 'il barra min jeddu
Claudette Buttigieg
Dwar il-kumpanija fil-Panama, hu stqarr li "setgħet saret għażla aħjar." Dan waqt li kompla jsostni li l-għan tal-istess trust kien dejjem bi skopjiet familjari sabiex jiġu mmaniġġjati l-propjetaijiet tal-familja u l-investimenti. Semma wkoll il-fatt li, "l-ebda politiku qatt m'għamel, jiġifieri li nissottometti lili nnifsi għal tax audit għaliex m'għandi xejn x'naħbi."
Claudette Buttigieg wieġbet id-diskors ta’ Konrad Mizzi huwa surreali u li “allaħares ma kinux il-ġurnalisti li ħarġu l-istorja. Shame on you, not fit for purpose u ma kellix għalfejn ngħidlu jitlaq għax telaq l’ barra min jeddu” qalet Buttigieg hekk kif Konrad Mizzi telaq mill-Kamra tar-Rappreżentanti ftit wara li spiċċa d-diskors tiegħu.
Fid-diskors tiegħu, Konrad Mizzi elenka d-diversi proġetti li hu, flimkien mad-deputati l-oħra tal-Gvern li qal li diġà bdew iħallu l-frott tagħhom. Semma fost l-oħrajn il-korporazzjoni Enemalta li “mhux biss ma niżżlitx lil Malta magħha, iżda qed tħallas id-dejn u qed tagħti input fl-ekonomija.”
Il-PN tal-llum huwa Partit diżorganizzat, mifni bl-għira għas-suċċess
Silvio Schembri
Semma wkoll diversi proġetti li jinsabu f'fażijiet ta' ġidma tagħhom, fosthom proġett ta' riġenerazzjoni f'Marsalokk u Birżebbuġġa b;titjib fil-promenade, parkeġġi u faċilitajiet għas-sajjieda fost l-oħrajn. Dan minbarra li qal kif ix-xogħlijiet fuq l-isptar San Luqa se jkunu qed jibdew fi żmien qasir.
Intant Id-Deputat Laburista Silvio Schembri qal illi hu se jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu lil dan il-Gvern u lill-Prim Ministru Joseph Muscat. “Dan huwa Gvern li minkejja t-tfixkil ta' l-oppożizzjoni u minkejja l-żbalji li seta għamel, għamel bil-wisq ħafna iktar ġid, ġid li ġab bidla fil-ħajjiet ta' ħafna familji.”
Schembri qal li “l-PN tal-llum huwa Partit diżorganizzat, mifni bl-għira għas-suċċess u jara kollox negattiv. Dan il-Partit ma jistħoqlux it-tmexxija ta' dan il-pajjiż.
Min-naħa tiegħu, fl-intervent tiegħu, id-deputat Laburist Franco Mercieca akkuża lill-Oppożizzjoni li dan il-vot ta' sfiduċja fil-Gvern kien irresponsabbli, la jafu li dan mhux se jintrebaħ.