Simon Busuttil huwa 'paroli biss'

Il-PL jgħid li l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu double standards fejn jidħlu l-viċi kapijiet tiegħu

Il-Partit Laburista saħaq li Simon Busuttil għandu double standards fejn jidħlu d-deċiżjonijiet fil-Partit tiegħu. Dan hekk kif," jekk mhux se jaġixxi dwar dan il-każ, Simon Busuttil se jkun paroli biss." Kif sostna l-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis f'konferenza tal-aħbarijiet dwar l-istorja dwar il-viċi kap tal-PN Mario DeMarco li ġiet żvelata l-bieraħ fil-gazzetta MaltaToday. Il-gazzetta rrappurtat kif saru xi xogħlijiet fid-dar tad-deputat Nazzjonalista Mario DeMarco li għalihom, "interfjera  biss wara li Adrian Hillman irriżenja." Għal dan, id-Deputata Laburista Deborah Schembri għamlet diversi mistoqsijiet bħal, "jekk l-iskuża kienet li x-xogħol fid-dar għadu mhux lest u kien se jitħallas kollox fl-aħħar, għalfejn tħallsu issa?" Ix-xogħlijiet in kwistjoni kienu jammontaw €34,000.

Għal dawn il-mistoqsijiet, il-Ministru Zammit Lewis irrimarka li l-aħħar ġimgħat, il-Kap tal-Oppożizzjoni kien sostna li, "mal-inqas xamma, jgħidilhom: Barra, Barra, Barra. U hawnhekk ngħidulu li għandu opportunità perfetta."

Zammit Lewis kompla jgħid kif Simon Busuttil, "dejjem jgħid li se jkun aħjar mill-Partit Laburista, imma mill-aħħar esperjenza tal-PN fil-Gvern kien hemm Joe Cassar, Giovanna Debono u Austin Gatt, li kien nesa jiddikjara kont fl-Iżvizzera.

Għaldaqstant, il-Partit Laburista sfida lil Simon Busuttil li waqt id-diskors antiċipat tiegħu, jiddedika ftit tal-ħin sabiex jindirizza l-kwistjoni ta' Mario DeMarco. 

Zammit Lewis żied jgħid, "naqbel ma' Simon Busuttil li għandu jkollna standards għolja, imma għandu jmexxi bl-eżempju għax ma jkollux il-kredibbiltà. Busuttil qed jikser dak li qal hu stess mill-Oppożizzjoni."

"L-isfida hija cara – jekk ghandek kredenzjali tal-good governance – u mhux dawk li nagħmlu quddiem il-Qorti – int trid li turihom u llejla jsemmi x’se jsir minn Mario DeMarco," temm jgħid il-Ministru.

More in Politika