'Xi ħadd daħal fil-Labour u ħataf il-poter'

Marlene Farrugia tressaq mozzjoni ta' sfiduċja fil-Ministru Konrad Mizzi

Id-deputata indipendenti Marlene Farrugia insistiet li dawk il-ħafna affarijiet pożitttivi li għamel il-Gvern matul l-ewwel snin tiegħu, "qed jintilef, għax xi ħadd xi mkien għażel li jidhol fil-Partit Laburista, jaħtaf il-poter u lin-nies jgħidilhom li 'milli għidna, m'hemm xejn'."

Fi tmiem id-diskors tagħha, Farrugia qalet li se tressaq mozzjoni ta' sfiduċja fil-Ministru Konrad Mizzi, li għal kuntrarju tal-mozzjoni li qed tiġi diskussa fil-preżent hija biss kontra Ministru wieħed u mhux fuq il-Gvern kollu.

Saħqet li l-manifest tal-Partit, għaliha kien sinċier u kienet temmen ferm fih, tant li, "mort inħabbat il-bibien nitkellem dwaru." 

Farrugia kompliet issostni li, "hawn min hu membru f'dan il-Kabinett li nesa li hemm hemm min ta saħħtu, iċċaħħad minn familtu, poġġa l-kredibbiltà tiegħu f'riskju biex ikun onest mal-poplu."

"Wasalna f'din l-estremità li niddiskutu din il-mozzjoni fil-Parlament għaliex ministru u Chief of Staff iddeċidew li ftit wara l-elezzjoni iddeċidew li jiftħu kumpanijia fil-Panama," kompliet tgħid Farrugia.

Interessanti kif id-deputat Laburista Manuel Mallia kien wieħed mill-uniċi deputati li kienu qed isegwi attentivament mill-bankijiet tal-Gvern, flimkien mal-membri l-oħrajn tal-Oppożizzjoni.

Is-settur tas-saħħa qed jieħu ħsiebu waħdu Chris Fearne. Ara l-privatizzazzjoni, hemmhekk jidħol Konrad biss. Marlene Farrugia

Dwar l-ekonimija, Farrugia kompliet tgħid li uwa minnu li l-pajjiż sejjer tajjeb imma appellat biex inkunu realistiċi u ngħidu l-Gvern bena fuq it-tajjeb li kien hemm, u f'pajjiż b'ekonomija tajba bħal tagħna, "Ministru tal-Gvern m'għażilx li jinvesti f'pajjiżu u fis-servizzi finanzjarji ta' reputazzjoni tajba ta' Malta, imma minflok għażel il-Panama."

Dwar il-ministeri li jaqgħu taħt id-dekasteru ta' Konrad Mizzi, Marlene Farrugia qalet li s-settur tas-saħħa qed jieħu ħsiebu kollu waħdu Chris Fearne, "għajr għall-privatizzazzjoni, għax hemmhekk jidħol Konrad."

Farrugia nsistet  kif dwar l-investimenti ta' Mizzi u Schembri, "il-banek dinjija ma riedux jagħmlu l-investimenti ma' Konrad Mizzi u Keith Schembri imma dan il-Gvern qed jibqa' jinsisti li jżommhom miegħu"

Farrugia tmmet tgħid li tixtieq li meta fl-aħħar tal-leġiżlatura, "ngħajtu 'Malta Tagħna Lkoll,' tkun tifsser iktar għaqda bejn il-Maltin, aktar Gvern nadif, tfisser li konna leali lejn dak li wegħdna, issa iktar mili għidna dakinhar qabel l-elezzjoni".

More in Politika