'Nirtira l-mozzjoni l-mument li Konrad Mizzi jirreżenja'

Id-Deputata Indipendenti Marlene Farrugia tgħid illi fl-ambjent qed tara żviluppi pożittivi u tfaħħar lil Deborah Schembri għax-xogħol li qed tagħmel

F'kuntatt mal-illum.com.mt id-Deputata indipendenti Marlene Farrugia qalet li jekk il-Prim Ministru Joseph Muscat jieħu azzjoni fil-konfront ta' Konrad Mizzi hija ma tara ebda skop biex tiġi diskussa l-mozzjoni ta' sfiduċja li ressqet fil-konfront ta' Konrad Mizzi. Farrugia iżda żiedet tgħid ukoll li l-azzjoni ta' Muscat teħtieġ tkun definittiva u li l-Ministru Mizzi jirreżenja. 

Mistoqsija minn dan is-sit jekk hux qed tressaq din il-mozzjoni għax tħoss li dik illi ressaq il-PN ma kinitx effettiva, Farrugia ċaħdet. Hija qalet illi l-PN hekk deherlu li kellu jagħmel u sostniet li wara l-vot, meta n-nies raw li ċerti Deputati minn naħa tal-Gvern ma tkellmux rigward il-każ tal-Panama, meta kien magħruf li tkellmu f'dan is-sens fi ħdan il-partit , "iktar irrabjaw."

Farrugia reġgħet saħqet, kif għamlet fil-Parlament, illi dan il-każ tefa' dell fuq il-ġid li qed iwettaq il-Gvern. Mistoqsija jekk tasalx terġa tivvota mal-Gvern kieku kellu jsir vot ta' fiduċja, wara li jirreżenja Mizzi Farrugia wieġbet illi tagħmel dan "basta jkunu ippublikati l-kuntratti kollha." Hija qalet li l-aktar żewġ setturi li dwarhom hija tkellmet kienu t-trasparenza u l-ambjent. Dwar dan tal-aħħar Farrugia rrikonoxxiet li kien hemm żviluppi pożittivi, f'dawn l-aħar xhur u faħħret ix-xogħol tas-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri, speċjalment fir-riforma li qed tagħmel fil-Lands. 

Ilbieraħ fil-Parlament il-Prim Ministru Joseph Muscat indika li d-deċizjoni finali dwar il-każ 'Panama' hija imminenti ftit wara li waqt il-mozzjoni tal-PN indika li d-deċiżjoni tiegħu se tkun ibbażata mhux biss fuq dak li hu legali, imma wkoll fuq dak li huwa korrett.

More in Politika