Kull aplikazzjoni għall-'Home Help' ġiet approvata

...tfakkar illi hemm 3,700 individwu li juża dan is-servizz

Justyne Caruana (ritratt Ray Attard)
Justyne Caruana (ritratt Ray Attard)

Fi żjara li għamlet is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana għand familja li tagħmel użu mis-servizz tal-Home Help, is-Segretarju Parlamentari qalet li permezz tas-sistemi ġodda u t-tibdil li sar fis-servizz, illum dawk il-persuni kollha li kellhom is-servizz approvat qed jieħduh, u għalhekk fadal biss dawk il-każijiet li għadhom pendenti quddiem il-Bord.

Dr Justyne Caruana qalet li, preżentament, madwar 3,700 individwu qegħdin jagħmlu użu minn dan is-servizz mogħti mill-Gvern u saħqet fuq l-impenn tal-Gvern biex isaħħaħ is-servizzi fil-komunità, u li huwa għalhekk li ħadem biex itejjeb is-servizz tal-Home Help u li, fl-istess waqt, għaddejja ħidma biex jittejbu servizzi komunitarji oħra mogħtija mill-Gvern lill-anzjani. Hija qalet li dan qiegħed isir in konformità mal-Istrateġija Nazzjonali għall-Anzjanità Attiva li addotta dan il-Gvern, li fost l-għanijiet ewlenin għandha l-għan li tippromwovi ħajja aktar indipendenti, b’mod partikolari lill-anzjani li jgħixu fil-komunità. Hija semmiet li permezz tat-tisħiħ ta’ dawn is-servizzi, il-Gvern qiegħed jgħin lill-aktar anzjani jkomplu jgħixu fil-komunità.

 

Dr Caruana irringrazzjat lill-ħaddiema kollha tal-Home Help tas-servizz li jagħtu lill-anzjani kif ukoll lill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Anzjani u Kura fil-komunità li jamministraw dan is servizz.

 

More in Politika