Abela: Ir-riforma fil-migrazzjoni għandha tinkludi l-prinċipju tas-solidarjeta'

Il-Ministru Carmelo Abela
Il-Ministru Carmelo Abela

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela, iddikjara li l-pedament fir-riforma tas-Sistema ta’ Ażil Komuni Ewropew, għandha tkun is-sistema reveduta ta’ Dublin li tinkorpora prinċipju ta’ solidarjetà tal-UE. Meta kien qed jindirizza laqgħa tal-Ministri tal-Intern tal-UE fil-Lussemburgu, il-Ministru Abela irrefera għal pjani li jipprevedu tibdil radikali tas-sistema ta’ Dublin attwali, li fil-preżent tpoġġi responsabbiltà sproporzjonat għat-talbiet għall-ażil fuq l-Istati Membri fil-fruntieri tal-UE.

Il-Ministru Abela qal li “finalment l-għan huwa soluzzjoni li jipprevjeni pressjoni sproporzjonata jakkumula fi xi  Stat Membru u minflok jassigura tqassim ġust ta’ responsabbiltà”. Il-Ministru stqarr ukoll li reviżjoni tas-sistema ta’ Dublin hija meħtieġa mill-aktar fis possibbli.

Malta ilha ħafna li talbet għal reviżjoni bħal din u se tipprijoritizza l-ħidma f’dan ir-rigward matul il-Presidenza tagħha tal-Kunsill tal-UE fl-2017. Il-kummenti dwar ir-reviżjoni tas-sistema ta’ Dublin saru waqt diskussjoni aktar wiesa’ ta’ komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea bit-titolu, “Lejn riforma tas-Sistema ta’ Ażil Komuni Ewropea,” li kien ippreżentat fis-6 ta’ April li għadda. Il-Ministru Carmelo Abela laqa’ l-ideat imressqin mill-Kummissjoni, fosthom il-ħtieġa li jissaħħaħ l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ għall-Ażil (EASO) bħala għajnuna għall-Istati Membri.

Ministru Malti enfasizza wkoll ir-riskju mill-ġdid ta’ mewġa ta’ immigrazzjoni fil-Mediterran u lejn il-Mediterran ċentrali, kemm bħala riżultat tal-ftehim bejn l-UE u t-Turkija li għalaq ir-rotta tal-Balkani, kif ukoll minħabba l-kundizzjoni tajba tat-temp. Huwa rrimarka dwar iż-żieda ta’ immigranti li waslu fl-Italja fil-ġimgħat li għaddew u enfasizza ukoll dwar rapporti ta’ telf ta’ mijiet ta’ ħajjiet fil-Mediterran ftit jiem ilu.

Il-Ministru stqarr li l-istess impenn politiku huwa meħtieġ b’urġenza fuq rotot tal-mediterran, inkluż l-implimentazzjoni tal-‘Valletta Action Plan’ u l-ġlieda kontra l-kuntrabandisti, sabiex tkun evitata kriżi ġdida, li nuqqas ta’ azzjoni biss se jwassal għal telf iktar inaċċettabbli ta’ ħajja, saħaq il-Ministru Abela.

Waqt il-laqgħa tal-Kunsill, il-Ministri ddiskutew ukoll il-proposti li huma mmirati għat-titjib fil-kontroll tal-fruntieri tal-UE u s-sigurtà. Il-Ministru Abela laqa’ l-proposti, li s-sistema tad-Dħul/Ħruġ "se tippermetti lill-UE li tikkombina elementi ta’ maniġjar tal-fruntieri, il-migrazzjoni u s-sigurtà fi f’qafas ta’ koperazzjoni.”

Huwa qal li Malta qed tistenna bil-ħerqa biex isir progress dwar l-użu u l-interoperabbiltà tas-Sistema tal-Informatika li se tejjeb ħafna l-kapaċità tal-Istati Membri biex jittraċċaw viżitaturi lejn l-Ewropa.


 

Qabel il-laqgħa tal-Kunsill, il-Ministru Abela ltaqa’ wkoll ma’ l-Direttur Eżekuttiv tal-FRONTEX, Fabrice Leggeri.

 

More in Politika