'Lest li nirriżenja jekk Simon jitlobni'

Mario Demarco jiċħad li hemm min irid iwarrbu mill-PN u jesprimi lealtà lejn Busuttil

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario De Marco jkun lest li jirriżenja jekk Simon Busuttil jitolbu biex jagħmel dan, fid-dawl tal-każ ta’ xogħlijiet li saru fid-dar tiegħu mill-kumpanija ta’ Pierre Sladden. Dawn ix-xogħlijiet qatt ma sar ħlas għalihom sakemm kien żvelat kif Sladden, is-sid ta’ Redmap Ltd., kien uża kumpaniji fil-British Virgin Islands għal tranżazzjoni ta’ €900,000.

Mistoqsi minn din il-gazzetta jekk jirreżenjax fl-eventwalità li Busuttil jitolbu jagħmel dan, De Marco sostna illi huwa dejjem emmen f’politika li tkun ta’ servizz għall-pajjiż. “Il-mument li jiena nħoss, jew il-partit, li jfisser għalija anke l-kap tal-partit, iħoss li l-preżenza tiegħi mhix qed iservi dan il-għan, allura iva, inwarrab.”

Iktar kmieni din il-ġimgħa Simon Mercieca, wieħed mill-awturi tar-rapport tat-telfa tal-PN u opinjonista li ta’ sikwit ikun fuq it-televiżjoni tal-istess partit wissa lil Simon Busuttil biex, fid-dawl ta’ dak żvelat, ikeċċi lil De Marco qabel mat-tim ta’ De Marco ikeċċih hu.

Minkejja li sorsi li tkellmu mal-ILLUM sostnew illi s-sentiment ta’ Mercieca jinħass sew fost fazzjoni partikolari tal-PN, De Marco ċaħad li hemm xi forma ta’ diżgwid intern u assigura li “t-tmexxija tal-PN hija magħquda. Jekk hemm min jaħseb bil-kontra, m’għandux idea x’enerġija hemm fil-PN bħalissa.”

Iżda s-sorsi tal-ILLUM viċin il-PN qalulna li nies influwenti fil-partit, fosthom uħud li kienu qrib sew tal-eks PM Gonzi, qed jaraw f’De Marco theddida serja għal kandidata preferuta tagħhom għat-tmexxija tal-PN, f’każ ta’ telfa fl-2018. Dan hekk kif De Marco “jgawdi minn appoġġ tremend fost it-tesserati li se jkunu huma li jagħżlu kap ġdid, meta jasal dan il-mument.”

 

More in Politika