Arnold Cassola: ‘Issa daqshekk’
Jgħid li l-klassi politika nsiet kull sens ta’ etika u morali
minn John Busuttil
“Qegħdin ngħixu perjodu ta’ kriżi f’pajjiżna, billi jidher li kull sens ta’ morali u ta’ etika qed jigi mwarrab mill-politika Maltija. Għalhekk, il-preżenza tagħkom hawnhekk illum hija importanti għax tixhed li, f’dan il-mument ta’ kriżi ta’ valuri fil-politika dominanti Maltija, għad hawn min jinteressah jassoċja ruħu ma’ partit bħall-Alternattiva Demokratika, li dejjem mexxa ’l quddiem il-valuri ta’ politika nadifa, konsistenti u kredibbli.”
Dan qalu ċ-Chairman tal-Alternattiva Demokratika Arnold Cassola fl-għeluq tal-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-istess partit. Huwa kompla jgħid illi ħaddieħor “minn Kastilja u mill-Parlament, qisu qed jinsa kull sens ta’ etika u morali li għandhom jikkaratterizzaw il-politika u qed imexxi biss il-valuri ta’ dinja materjalistika, ibbażata fuq il-kommodifikażzjoni ta’ kollox –mill-art skarsa tagħna għall-isptarijiet tagħna, mill-kosta prezzjuża tagħna saċ-ċittadinanza Maltija.”
Arnold Cassola qal illi l-AD isostnu l-valuri bażiċi ta’ politika b’wiċċ uman, li “għall-kuntrarju ta’ min moħħu biss biex jibni u jispekula fuq kull biċċa roqgħa art li għandna fil-pajjiż jew li jipprova jiftaħ kumpaniji fil-Panama u kontijiet fil-banek ‘offshore’ ta’ madwar id-dinja, jipprova jtejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ min hu l-aktar batut, ta’ dawk il-pensjonanti, il-persuni b’diżabilità, il-ħaddiema u l-impjegati normali, li bil-pagi u l-allowances miżeri li jirċievu ma jwasslux sal-aħħar tax-xahar.”
Huwa qal li sar ħafna diskors dwar it-tielet partit meta t-tielet parti “ilu hawn 27 sena.” Huwa qal li dak li verament qed jinħass mhux il-bżonn ta’ ħolqien tat-tielet partit, iżda li jkun hemm t-tielet partit fil-Parlament Malti.
Cassola rrifjuta l-idea illi l-politika hija dwar uċuħ ġodda. “Konrad Mizzi u Keith Schembri, dawn ġew ippreċentati bħala uċuħ ġodda fil-politika Maltija. Araw daqsxejn ir-riżultat: uċuħ ġodda li wasslu għall-politika antika, fl-agħar aspetti tagħha.”
“Aħna ma ngħalaqniex f’torrijiet tal-avorju u bqajna f’kuntatt mal-għeruq għax ngħixu magħhom kuljum. Aħna fil-politika ħdimna senza interessi għal dawn is-snin kollha,” qal Cassola f’botta ċara u b’saħħitha lejn iż-żewġ partiti l-kbar.”
Huwa qal li l-maġġoranza tal-Maltin jirrikonoxxu din l-onestà intellettwali tal-Alternattiva Demokratika tul is-snin u japprezzawha. Imma dana waħdu mhux biżżejjed biex jiggarantixxi suċċess elettorali lill-AD.
Cassola wera t-tama li l-maġġoranza tal-Maltin jaħsbu b’rashom u jafu li “d-degradazzjoni morali li fiha waqgħet il-politika Maltija qed tagħmel ħsara lil pajjiżna.”
Għalhekk huwa ħeġġeġ lil kulħadd biex jattendi għal protesta organizzata mis-soċjetà ċivili, li għaliha l-AD se tattendi.
Is-soċjetà ċivili Maltija ser issemma’ leħinha b’mod qawwi. U aħna tal-Alternattiva ma nistgħux ma nappoġġjawx bi ħġarna din il-karba għall-ġustizzja u għall-imġiba etikament korretta min-naħa tal-politiċi. Huwa temm jgħid li “issa daqshekk. Pajjiżna jixraqlu aħjar. U ser nirbħu… għax is-sewwa jirbaħ żgur”.