'Għal Muscat il-flus jiġu l-ewwel u qabel kollox...huwa l-anti-Mintoff'

Salvu Mallia jgħid illi l-Partit Laburista nesa' l-għeruq soċjalisti tiegħu u jgħid li ma jistagħġibx li Muscat jibqa' popolari għax hawn ħafna nies iffissati u brainwashed 

Ftit qabel ma kien ippublikat l-istħarriġ fuq il-Maltatoday li juri kif Joseph Muscat għadu minn fuq Mallia qal li ma jkunx sorpriż  li Muscat baqa’ popolari. Mallia qal li “ma nistagħġeb xejn. L-ewwelnett,” ikompli jgħid , “għax għandna ħafna fost il-poplu li huma iffissati u kompletament ‘brainwashed’ bil-partit u t-tieni għax Joseph Muscat huwa rappreżentattiv tal-karattru tipiku Malti.”

Mistoqsi minn din il-gazzetta biex jispjega eżattament xi jrid jgħid b’din l-istqarrija Mallia akkuża lill-Prim Ministru illi huwa bniedem li “jirrapreżenta l-mentalita’ tal-flus l-ewwel u qabel kollox. L-aqwa li għandna l-flus u li jekk ridt nibni kamra ximkien bnejtha u x’għal għajni mill-ambjent.” Mallia jżid id-doża u jgħid illi Joseph Muscat huwa “anti-Mintoff, kontra dak li kien jemmen Mintoff. Il-Partit Laburista ma jistax jitqies bħala partit Soċjalist illum. Partit Soċjalista, meta għandu Ministru,” kompla jistaqsi Mallia, “li jiftaħ kumpanija jew kont il-Panama?” Huwa qal illi jekk il-pajjiż se jibqa’ sejjer kif inhu, fil-futur qrib se jsir “kolonja monetari, fejn il-flus jikkmandaw u jiddettaw kollox.”

fejn hemm nies bla sinsla u bla morali, l-pajjiż jispiċċa ġungla Salvu Mallia

L-ILLUM fakkret lil Mallia illi l-poplarita’ ta Muscat u tal-Partit Laburista jista jkun li ġejja mill-fatt illi l-qagħda ekonomika tal-pajjiż bħalissa hija waħda mill-aktar pożittiva u li nħoloq sens qawwi ta’ ottimiżmu. Imma Mallia ma jaqbilx u filwaqt li jammetti li l-ekonomija sejra tajjeb, fl-istess ħin jgħid ukoll li l-pajjiż huwa maqbud minn dik li sejħilha “apatija”.

“Fil-verita’ mhu qed isir xejn li huwa ġdid u l-proġetti, fosthom ta’ restawr ta’ binjiet storiċi, kienu ilhom li bdew minn taħt l-aħħar amministrazzjoni.” Mallia fakkar illi fejn hemm nies bla sinsla u bla morali, l-pajjiż jispiċċa ġungla.

Huwa qal illi se jkun qed jattendi l-protesta li se ssir mis-soċjeta’ ċivili kontra l-Ministru Konrad Mizzi u spjega li m’attendiex il-protesta tal-PN biex ħadd ma jwaħħallu tikketta partiġġjana. Mallia jtemm jgħid mal-ILLUM illi l-problema tiegħu mhix biss il-każ tal-Panama, iżda l-fatt li qed tixxerred mentalita’ korrotta fejn huwa aċċettabbli li tfotti biex tiġbed għalik innifsek. 

More in Politika