Minkejja l-għidut li l-programm 'Il-Parlament tal-Poplu' preżentat minn Emmy Bezzina twaqqaf milli jkompli jixxandar id-Direttur Maniġerjali ta' Smash TV Joe Baldacchino ċaħad dan bil-qawwa kollha. L-għidut kien wieħed qawwi hekk kif Bezzina jidher li waqaf itella' l-programm tiegħu ħabta u sabta b'dawk l-eluf li jsegwuh ma jkunux infurmati li l-Parlament tal-Poplu se jieqaf. Bezzina kien ilu jindika li kien hemm min qed jagħmel pressjoni fuq l-istazzjon Smash biex dan il-programm niggieżi jitwaqqaf.
F'kuntatt mal-illum.com.mt Baldacchino sostna illi l-programm tant segwit ta' Bezzina waqaf "kif jiġri kull sena" sabiex Bezzina jieħu żmien ta' waqfien u jiffoka fuq xi xogħol tiegħu bħala avukat. Għal mistoqsijiet ta' dan is-sit iżda Baldacchino baqa' jiċħad illi b'xi mod il-programm twaqqaf, "ma tarax li nwaqqfu l-programm" kienet ir-risposta ta' Baldacchino.
L-illum.com.mt prova jagħmel kuntatt telefoniku ma' Bezzina, imma ma ma kellna ebda rispons mill-avukat popolari.
Il-programm ta' Emmy Bezzina spiċċa f'nofs dibattitu minħabba l-lingwaġġ li kien qed juża l-istess Bezzina fil-programm tiegħu, bl-aħħar istanza juża dik li kienet tinstema' bħala dagħwa. Minkejja dan, huwa mifhum illi l-programm kien qed ikun segwit minn eluf ta' nies, min biex jidħaq, min biex jitkaża u min biex jifhem l-argumenti pjuttost diretti ta' Bezzina dwar ġrajjiet kurrenti.