"Il-liġi għandha tagħmel distinzjoni bejn il-kritika kostruttiva u l-attentati li jweġġgħu n-nies," sostna l-eks-Ministru għall-Intern Manuel Mallia.
Waqt il-programm Reporter immexxi minn Saviour Balzan, id-deputat Laburista Mallia appella biex ikun hemm iktar liġijiet ħarxa kontra l-'hate speech' u liġijiet li jipproteġu l-ħajja privata tal-politiċi mill-iskrutinju tal-mezzi tax-xandir.
Żied jgħid li, "l-politiċi għandhom jitħallew ikollhom ħajja normali, u jieħdu lil uliedhom l-iskola, u jmorru għal vaganza u jmorru jaraw film mingħajr ma jsibu wiċċhom mifrux fuq il-media."
Waqt il-programm, li kienet waħda mill-ewwel dehriet tiegħu minn wara li tneħħa minn ministru minħabba l-isparatura tax-xufier tiegħu, Mallia komla jinsisti li l-politiċi u n-nies pubbliċi kellhom ikunu responsabbli ta' għemilhom fil-ħajja pubblika biss, u l-familji tagħhom ma jkunux fil-mira ta' attakki.
"Jekk it-tifel ta' persuna pubblika tagħmel xi reat, allura dan għandu jiġi rappurtat fit-termini tar-reat innifsu mingħajr referenza għall-qraba tiegħu," żied jgħid Mallia.
Dwar dan, qablu ż-żewġ mistiedna fil-programm Reporter, hekk kif id-deputat Nazzjonalista Clyde Puli wkoll qal li l-ġurnalisti jeħtieġ iżommu mal-limiti tal-prudenza u ma jattakkawx lill-qraba ta' persuni pubbliċi.
Minkejja dan, Puli qal kif il-Partit Laburista mhux jieħu l-parir ta' Mallia hekk kif hu wkoll qed jagħti l-barka tiegħu lil blogg li jagħmel dawn it-tip ta' attakki, b'riferenza ovvja għall-blogg ta' Glenn Bedingfield, anke jekk l-ebda mill-mistiedna ma rreferew għalih b'ismu.