F'kummenti mal-illum.com.mt dwar il-proġetti li għaddejjin bħalissa fil-lokalita' ta' Biżebbuġa s-Sindku tal-istess lokalita' ddeskriva l-proġetti li għaddejjin bħalissa bħala nifs ġdid “wara li konna ilna 25 sena minsijin.”
Ma’ din il-gazzetta huwa qal illi issa, li x-xogħol fuq il-proġetti beda riesaq lejn it-tmiem u għalhekk hemm ċertu ħeġġa biex ir-residenti jibdew jużaw dawn il-faċilitajiet. Huwa faħħar ukoll il-mod mgħaġġel li bih mexa’ x-xogħol fuq dawn iż-żewġ proġetti sportivi.
Dwar it-tneħħija tat-tankijiet tal-‘31 ta’ Marzu 1979’ Barun qal illi l-mijiet ta’ residenti li jgħixu fil-viċinanzi huma ħerqana għat-tneħħija tagħhom u qed iħares ‘l quddiem għal dak li se jsir minflok it-tankijiet. Kevin Barun sostna illi r-residenti tal-akwati jixtiequ u jkun jixraqilhom li l-post iservi ta’ pulmun u ta’ żona għar-rikreazzjoni, biex b’hekk iservi ta’ kumpens għad-danni ambjentali li l-istess familji sofrew matul is-snin.
Intant mal-illum.com.mt tkellem ukoll Bernard Farrugia, Segretarju tal-Għaqda Storja u Kultura ta’ Birżebbuġa u Viċi President tal-Għaqda Federazzjonijiet f’Birżebbuġa li kien pożittiv ferm dwar il-proġetti li għaddejjin bħalissa fil-lokalita’ fejn jgħix.
Apparti li spjega kif in-nies laqgħu dawn il-proġetti b’mod pożittiv huwa fakkar ukoll kif malli jkun lest il-proġett tal-piċċ tal-Waterpolo se jkunu qed jibdew lezzjonijiet fl-għawm għat-tfal minn tliet snin ‘l fuq. Dan apparti l-ħidma biex Birżebbuġa jerġa jkollha t-tim rebbieħ li xi darba kellha fil-waterpolo.
Bħala bniedem sportiv u attiv Farrugia spjega s-sentiment pożittiv fost il-poplu ta’ Birżebbuġa u tiegħu wkoll, hekk kif l-grawnd tal-futbol se jsir, “wara li kien ilu mwiegħed lin-nies ta’ Birżebbuġa għal snin twal.”