Manuel Mallia se jerġa' lura fil-Kabinett bħala Ministru tal-Kompetittività wara li kien irriżenja fl-2014 minħabba inċident li fih ix-xufier tiegħu kien spara lejn sewwieq ieħor. Manuel Mallia ilu għal dawn l-aħħar xhur iżomm lura minn wisq dehriet pubbliċi u anke żamm 'il bogħod milli jkun fiċ-ċentru tal-attenzjoni.
Konrad Mizzi, li bħalissa jinsab fiċ-ċentru ta' kontroversja kbira minħabba l-kwistjoni ta' kumpanija li fetaħ fil-Panama, se jibqa' Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru imma se jkun bla portafoll. Dan hekk kif Chris Fearne se jkun qed jinħatar Ministru tas-Saħħa filwaqt li l-Enerġija se tkun qed taqa' direttament taħt il-Prim Ministru Muscat. Intant Konrad Mizzi se jkun qed iħalli postu wkoll minn Deputat Mexxej tal-Partit.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar ir-ritorn ta' Mallia u li Mizzi se jittieħdulu r-responsabbiltajiet waqt li jibqa' jopera fl-OPM waqt Konferenza tal-aħbarijiet f'Kastilja ftit tal-minuti ilu biss. Waqt din il-konferenza, Muscat ħabbar ukoll li l-Ministru Leo Brincat se jkun qed iħalli postu bħala Ministru tal-Ambjent u Żvilupp Sostenibbli biex jieħu postu fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Minflok Brincat se jkun qed jinħatar Josè Herrera li bħalissa jokkupa l-kariga ta' Segretarju Parlamentari għall-Kompetittività u Tkabbir Ekonomiku.
Intant, fl-ewwel kummenti tiegħu ftit wara li tħabbar dan ir-reshuffle, il-Kap tal-PN Simon Busuttil, sejjaħ dawn it-tibdiliet bħala farsa. Min-naħa tiegħu, il-viċi kap tal-Partit Nazzjonalista, b'ton sarkastiku qal li Konrad Mizzi tħalla ministru bla portafoll, għaliex probbabilment nesieh il-Panama.