'Joseph Muscat hu rikattat minn Mizzi u Schembri'

Simon Busuttil jgħid li s-sitwazzjoni ma nbidlitx u jkomplu jsejħu għar-riżenja ta' Muscat, Mizzi u Schembri

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, qal li din "ir-reshuffle għat-taparsi" li għamel Joseph Muscat fil-grupp parlamentari Laburista kienet "daħk fil-wiċċ għaliex żamm kemm lil Konrad Mizzi u l-Keith Schembri."

Simon Busuttil, f'konferenza tal-aħbarijiet b'reazzjoni għar-reshuffle imħabbra iktar kmieni mill-Prim Ministru kompla jinsisiti kif dan ikompli juri li, "Joseph Muscat huwa kompliċi ma' Konrad Mizzi u Keith Schembri."

Żied jgħid li mil-lum u bid-deċiżjonijiet li ħa, "il-Prim Ministru stess sar personalment involut." Busuttil qal kif sal-lum, kien għad hemm min kien qed jagħti l-benefiċċju tad-dubju lill-Prim Ministru u kien qed jagħti ċans sabiex jara x'deċiżjoni se jkun qed jieħu, imma Joseph Muscat iddeċieda biss li ma jiddeċidix."

Issa, Konrad Mizzi sar għandu iktar poter mill-Ministri l-oħra għaliex se jkun qed jieħu d-deċiżjonijiet f'Kastilja mal-Prim Ministru Simon Busuttil

"Dak li ħabbar il-PM kien insult għall-inteliġenza tan-nies. Taparsi jagħmel xi ħaġa biex jagħlaq ħalq in-nies imma meta tgħasar, issib li m'għamel xejn," kompla jsostni l-Kap tal-Oppożizzjoni. Kompla jgħid li n-nies mhumiex boloh u kapaċi jaslu għall-ġudizzju tagħhom.

Semma wkoll kif issa, is-sitwazzjoni, "saret iktar redikola għaliex hemm Manwel Mallia fil-Kabinett."

Dwar dak li se jkun qed jagħmel il-PN, Busuttil qal li se jkun qed jirrifletti s-sentiment vera tan-nies. "Se nkomplu ninsistu li Mizzi, Schembri u issa iktar minn qatt qabel Muscat, iwarrbu u jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom, għaliex mhux se nħallu lil Joseph Muscat jagħmel iktar ħsara lill-pajjiż."

"Issa, Konrad Mizzi sar għandu iktar poter mill-Ministri l-oħra għaliex se jkun qed jieħu d-deċiżjonijiet f'Kastilja mal-Prim Ministru," kompla jisħaq Busuttil.

Dwar in-nomina ta' Leo Brincat għall-Qorti tal-Awdituri, Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista ma ġiex avviċinat u infurmat, u għalhekk, se jkun qed jistenna li l-Gvern jagħmel dan.

More in Politika