Comodini Cachia u Marlene Mizzi flimkien fil-ġlieda kontra d-dijabete.

jmexxu ‘l quddiem inizjattiva għal aktar sforzi fil-ġlieda kontra d-dijabete.

Il-Parlament Ewropew qed jappoġġja inizjattiva taż-żewġ Ewroparlamentari Maltin Therese Comodini Cachia u Marlene Mizzi dwar id-dijabete fl-Unjoni Ewropea, li qed jieħdu flimkien ma’ MEPs oħra u l-Federazzjoni Internazzjonali tad-Dijabete.
 
Fir-reazzjoni tagħha, Therese Comodini Cachia qalet li “din id-dikjarazzjoni qed tkompli tgħolli d-djabete bħala prijorità fl-aġenda Ewropea. Id-dijabete taffetwa 32 miljun persuna madwar l-Unjoni. Fl-2014, f’Malta kien hawn 11% li kellhom id-dijabete u matul l-2013, intefqu aktar minn €114-il biljun fi trattamenti fl-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant nistgħu nieħdu azzjoni sabiex ngħinu aktar persuni fil-prevenzjoni tad-dijabete tat-tieni tip u niffaċilitaw il-kontroll għall-pazjenti b’dijabete tal-ewwel tip. Mhux biss nistgħu ngħinu fi kwalità ta’ ħajja aħjar għall-persuni bid-dijabete iżda nistgħu wkoll ngħinu fil-prevenzjoni.
 
Marlene Mizzi enfasizzat li “fil-preżent in-numru, li dejjem qed jiżdied, ta’ persuni bid-dijabete madwar l-Ewropa u d-dinja huwa allarmanti u mifrux fuq id-dijabete tal-ewwel u t-tieni tip. L-aħħar statistika turi li d-dijabete hija l-kaġun ewlieni tal-mewt ta’ aktar minn 1.5 miljun persuna kull sena u sas-sena 2040, persuna minn kull għaxra madwar id-dinja se tbati bid-dijabete. Ninsab imħassba li mhux kulħadd qed jifhem kemm qed tiggrava s-sitwazzjoni tad-dijabete. Wasal iż-żmien li nieħdu azzjoni u nagħtu aktar attenzjoni lid-dijabete bħala theddida għas-saħħa, is-soċjetà u l-ekonomija Ewropea. Ninsab ferħana li ħafna Ewroparlamentari għandhom dan l-istess tħassib tagħna u qed jappoġġjaw din id-dikjarazzjoni. Il-prevenzjoni, li ndewmu l-effetti tad-dijabete u l-kumplikazzjonijiet li ġġorr magħha, se jħallu effett pożittiv fuq l-individwu, s-soċjetà u tnaqqas l-ispiża u l-kumplikazzjonijiet relatati filwaqt li jevitaw tbatijiet personali ta’ persuni bid-dijabete.”
 
Id-dikjarazzjoni miktuba, li ġiet iffirmata minn 383 Ewroparlamentari, hija inizjattiva importanti li tappella lil Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill Ewropew sabiex jagħti prijorità lid-dijabete, li hija ta’ tħassib fuq livell ta’ saħħa, soċjali u ekonomiku. Dan sabiex tiġi żviluppata strateġija tal-Unjoni Ewropea għall-prevenzjoni, djanjożi u kontroll tad-dijabete, filwaqt li tinkoraġġixxi l-pajjiżi membri biex jistabbilixxu pjan nazzjonali għad-dijabete u jiżviluppaw strateġija li tinkoraġġixxi l-konsum u l-produzzjoni ta’ ikel aktar bnin. Id-dijabete hija kundizzjoni li taffettwa ċ-ċittadini Ewropej irrilevanti f’liema pajjiż tal-Unjoni Ewropea jgħixu. Għalhekk din hija sfida Ewropea li trid tiġi kkordinata b’mod effettiv.
 
L-Ewroparlamentari Maltija Therese Comodini Cachia hija l-co-chair tal-working group tal-Unjoni Ewropea dwar id-dijabete. Matul ix-xhur li għaddew, hija appoġġjat bosta riċerki li saru f’Malta fuq dan is-settur. Hija appellat għal aktar fondi nazzjonali flimkien ma’ dawk Ewropej, kif ukoll lil Gvern biex jistabbilixxi d-dijabete bħala prijorità meta Malta se jkollha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-2017.
 
 

More in Politika