‘Pożittiv ħafna li se jitneħħa l-poter minn idejn il-politiku’

L-emendi fil-liġi dwar l-organizzazzjonijiet volontraji

Kenneth Wain
Kenneth Wain

Il-Kummissarju tal-Organizzazzjonijiet Volontarji, il-Professur Kenneth Wain esprima s-sodisfazzjon tiegħu mal-ILLUM dwar il-bidliet li qed ikunu proposti li jsiru fil-liġi li tirregola l-organizzazzjonijiet volontarji. Huwa qal li b’dawn il-bidliet, se titneħħa l-eżenzjoni minsterjali li permezz tagħha, matul is-snin, għaqdiet li ma kinux reġistrati bħala NGOs (Non-Governmental Organisations) kien ikollhom aċċess għal finanzi wara intervent mill-Ministru. 

Mal-ILLUM, Wain spjega kif hu kien ilu jilmenta dwar din l-istess eżenzjoni li issa se titneħħa, “għax kienet toħloq diżlivell bejn organizzazzjonijiet differenti, filwaqt li kienet titfa’ ċerta pressjoni fuq il-politikant. Il-pressjoni kienet tiġi mingħand ċerti għaqdiet li minħabba li huma popolari, diffiċli tgħidilhom le għall-fondi.” Wain kompla jgħid li issa, kif proposta l-liġi mill-Ministeru tal-Konsumatur, Djalogu Soċjali u Drittijiet Ċivili, il-politikant se jkun barra mill-istampa. “Il-poter tal-Ministru se jispiċċa f’dan il-qasam.”

Mistoqsi mill-gazzetta ILLUM dwar kemm-il darba ingħatat eżenzjoni Ministerjali, Wain qal li “mhux darba jew tnejn li kien Ministru li talab biex għaqda partikolari taċċessa l-fondi u din lili kienet tinkwetani. Kienet ilha tinkwetani u kont ili nitkellem dwar din is-sitwazzjoni ma’ diversi Ministri.”

Esklużi organizzazzjonijiet li jaqgħu taħt il-Knisja 

Intant Wain spjega kif il-liġi li propona l-Gvern u li bħalissa tinsab fi stadju ta’ konsultazzjoni, se teskludi żewġ tipi ta’ organizzazzjonijiet, jiġifieri dawk relatati ma’ partiti politiċi u dawk relatati mal-Knisja. 

Dawk tal-ewwel, issa se jkunu qed jaqgħu taħt il-liġi tal-finanzjament tal-partiti, filwaqt li dawn tal-aħħar se jibqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet ekkleżjastiċi, għalkemm xorta għandhom kull opportunità li jirreġistraw bħala NGOs. 

Il-Professur Wain qal li permezz tal-liġi mressqa, issa se jkun speċifikat x’inhi NGO. “L-organizzazzjoni jeħtieġ tkun waħda li ma tagħmilx profitt, ikollha għan pubbliku, u li tkun awtonoma.” Huwa fakkar kif issa, bil-bidliet proposti, kull għaqda volontarja trid tkun reġistrata biex tkun tista’ tgawdi minn fondi. 

More in Politika