Il-kumpanija EMD, msemmija fil-lista 'Panama Papers' fi stqarrija b'risposta għal aħbar li dehret aktar kmieni fuq dan is-sit iċċarat illi "r-relazzjoni ta’ Richard Cachia Caruana ma’ EMD hija esklussivament dik ta’ konsulent tal-kumpanija u l-klijenti tagħha fi kwistjonijiet relatati mal-Unjoni Ewropea. Huwa qatt ma kellu ishma, pożizzjonijiet ta’ direttur jew pożizzjonijiet maniġerjali oħra f’EMD." Hija qalet ukoll li Noel Buttigieg Scicluna ma baqax konsukent tagħha minn Mejju tas-sena l-oħra.
EMD iċċarat ukoll li "qatt m'assistiet persuni esposti politikament (PEPs), bħala fiduċjarji jew mhux, minn xi ġuriżdizzjoni barranija jew dik Maltija biex iwaqqfu kumpaniji, trusts jew xi entitajiet oħra fil-British Virgin Islands (BVI), fil-Panama jew ġuriżdizzjonijiet simili."
Finalment l-EMD fakkret kif flimkien ma’ entitajiet u kumpaniji oħra ta’ reputazzjoni f’Malta, "EMD tipprovdi servizzi korporattivi lis-settur tas-servizzi finanzjarji. Huma proprju entitajiet bħal dawn li f’dawn l-aħħar 16-il sena għenu biex Malta ssir iċ-ċentru ta’ servizzi finanzjarji ta’ suċċess li hija llum."