Ftehim li jimmira għall-eċċellenza teknoloġika fl-Ajruport Malti

Sħubija bejn l-MIA u l-organizzazzjoni SITA li se tiffoka fuq l-operat tal-ICT tal-ajruport minn jum għal jum

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta daħal fi sħubija strateġika mas-SITA, organizzazzjoni li tispeċjalizza fis-sistemi tal-IT fis-settur tal-avjazzjoni. Din is-sħubija hija mmirata li tagħti spinta lil operat tal-ajruport sabiex dan jilħaq livelli ogħla ta’ eċċellenza u, b’hekk, isir pijunier fit-teknoloġija fl-industrija tal-avjazzjoni.
Din is-sħubija ser tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2016 u ser tippermetti lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jiffoka fuq l-investiment strateġiku u l-innovazzjoni, filwaqt li s-SITA tiffoka fuq l-operat tal-ICT tal-ajruport minn jum għal jum.
Dan il-ftehim ta’ sħubija ser jidħol fis-seħħ ftit xhur qabel tibda l-ewwel fażi ta’ investiment sostanzjali fit-Terminal tal-ajruport, u dan mhux b’kumbinazzjoni. Fis-settur tal-avjazzjoni, l-investiment fl-infrastruttura tal-ajruport u fl-ICT huwa kkunsidrat bħala t-triq ’il quddiem sabiex l-ajruporti jkunu lesti għall-futur, speċjalment għaż-żieda fin-numru ta’ passiġġieri li qed jilqgħu u l-isfidi addizzjonali li din iġġib magħha.
Alan Borg, is-CEO tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qal: “Aħna nirrikonoxxu li l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-ICT huwa kruċjali għat-tkabbir futur tagħna. Fid-dawl ta’ dan, ninsabu tassew entużjasti dwar is-sħubija tagħna mas-SITA, li hija pijuniera f’dan il-qasam, u ninsabu ħerqanin li flimkien nibdew naħdmu fuq blueprint diġitali li tindirizza l-bżonnijiet futuri tagħna.”
L-esperjenza tas-SITA fil-ġestjoni ta’ programmi ta’ trasformazzjoni tal-ICT madwar id-dinja ser tiġi estiża għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u ser tagħti s-sostenn meħtieġ sabiex l-ajruport jintegra l-ICT fil-qalba tal-istrateġija tiegħu ta’ tkabbir fuq it-terminu twil ta’ żmien.
Dave Bakker, il-President ta’ SITA Europe qal: “Bħala fornitur ta’ soluzzjonijiet li jkopru l-bżonnijiet kollha tal-industrija tat-trasport bl-ajru, is-SITA tinsab f’pożizzjoni unika li tappoġġja s-sistemi tal-ajruporti, tal-linji tal-ajru u tal-gvernijiet preżenti fl-ajruporti tal-lum. Dan jippermettilna noffru servizz lill-industrija li barra l-ġestjoni tal-bżonnijiet kollha relatati mal-infrastruttura tal-ICT, jinkludi pariri dwar l-investiment futur tal-ajruport sabiex jiġi żgurat li jiġu frankati l-flus u s-servizz jiġi mtejjeb.”

More in Politika