Ftehim bejn l-ITS u l-MCAST
minn Albert Gauci Cunningham
Illum il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis u l-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo kienu preżenti għall-iffirmar ta’ Memorandum of Understanding bejn l-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) u l-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST). Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis qal li din l-inizjattiva se tkun qed issaħħaħ ir-relazzjoni u l-kollaborazzjoni ta’ dawn iż-żewġ istituzzjonijiet fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, il-VET. Din il-kollaborazzjoni se tgħin u sservi biex tilħaq aktar studenti wara l-istudji tas-sekondarja u biex il-ġenerazzjoni żagħżugħa tkun imħarrġa aktar għad-dinja tax-xogħol.
Il-Ministru għat-Turiżmu fisser kif wieħed mir-riżorsi ewlenin ta’ pajjiżna fit-turiżmu huwa l-ħaddiema u sabiex ikollna prodott u servizz turistiku ta’ kwalità hemm il-ħtieġa ta’ aktar żgħażagħ u ħaddiema mħarrġin. Għaldaqstant, kompla jispjega l-Ministru Zammit Lewis, il-Gvern ħabbar wieħed mill-akbar proġetti li qatt saru għar-riżorsi umani fit-turiżmu, fejn se jiġu investiti 56 miljun ewro fil-bini ta’ Istitut tal-Istudji Turistiċi ġdid fi Smart City. Huwa tenna li l-ITS il-ġdid se jservi l-ħtiġijiet tal-istudenti Maltin u tal-industrija u se jgħin sabiex jatratta studenti barranin ħalli jiġu jistudjaw korsijiet b’rabta mat-turiżmu u l-ospitalità f’pajjiżna.
Dwar dan il-ftehim Dr Zammit Lewis spjega li l-ITS u l-MCAST se jaħdmu id f’id biex joħolqu u jorganizzaw attivitajiet li jżewġu l-kurrikuli tagħhom bil-għan li l-istudenti taż-żewġ istituzzjonijiet jigwadanjaw għarfien aktar wiesgħa filwaqt li jkunu esposti għal formi alternattivi ta’ VET pereżempju l-ħolqien ta’ programmi ta’ studju u taħriġ konġunti f’suġġetti relevanti, li jmorru mil-livell 1 sal-livell 6 tal-Qafas ta’ Kwalifikazzjonijiet Maltin (l-MQF). Dan il-ftehim se jissarraf ukoll f’aktar mobilità ta’ studenti bejn iż-żewġ istituzzjonijiet, li flimkien ma’ ħidmiet oħrajn bejn l-MCAST u l-ITS se jissarrfu f’benefiċċju akbar għall-istudenti tagħna, professjonalment u anke fuq bażi personali.
“Benefiċċju ewlieni għall-istudenti se jkun il-ħolqien ta’ programmi ta’ studji maħdumin bejn l-MCAST u l-ITS. Dawn se jkun programmi konġunti mwasslin miż-żewġ istituzzjonijiet li se jgħinu lill-istudenti li jridu karriera fit-turiżmu biex ikollhom kwalifiċi u preparazzjoni mill-aqwa li jirriżultaw f’aktar opportunitajiet. L-għażla vokazzjonali ta’ ħidma fit-turiżmu mhix xogħol, imma karriera. Dawn il-programmi se jkunu pedament mill-aqwa biex l-istudenti tagħna jibnu l-karriera tagħhom f’dan il-qasam,” qal il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis.
Permezz tal-istess ftehim, kompla l-Ministru Zammit Lewis, l-ITS u l-MCAST se jikkollaboraw fid-disinn, l-iżvilupp u t-twassil ta’ korsijiet ta’ taħriġ. Fil-fatt l-ITS se jipprovdi taħriġ lill-istudenti tal-MCAST fil-programm MCAST Pathway to Independent Living, permezz ta’ korsijiet bħal studji kulinarji bażiċi. Fil-fatt l-ITS se jipprovdi taħriġ lill-istudenti tal-MCAST wara li jlestu l-programm MCAST Pathway to Independent Living, permezz ta’ korsijiet bħal studji kulinarji bażiċi.
Id-Direttur Eżekuttiv tal-ITS Pierre Fenech qal li “dan il-ftehim jirrappreżenta pass ieħor ‘il quddiem fil-ħidma li qiegħda ssir mill-Istitut biex nilħqu livelli dejjem ogħla ta’ kwalità fis-servizzi u t-tagħlim li jingħataw dawk kollha li jixtiequ jibdew karriera jew li diġà qed jaħdmu fil-qasam tat-tat-turiżmu u l-ospitalità.
“Aktar minn hekk, permezz ta’ din il-kollaborazzjoni bejn l-ITS u l-MCAST se nkunu qegħdin insaħħu u nkattru l-firxa tat-tagħlim u t-taħriġ vokazzjonali, speċjalment fost żgħażagħ minn 16-il sena ‘l fuq, biex dawn mhux biss ikollhom l-għażla ta’ karriera fil-futur tagħhom, iżda wkoll joħorġu mill-qafas edukattiv mogħnija bl-għarfien u l-abbiltajiet kollha professjonali u personali li se titlob mingħandhom l-industrija tal-ġejjieni,” kompla.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo sostna li l-MCAST se jipprovdi taħriġ vokazzjonali lill-għalliema tal-ITS b’rati speċjali li jkunu ġew maqbula minn qabel miż-żewġ entitajiet. Qal li l-MCAST u l-ITS se jikkollaboraw flimkien biex joħolqu u jiżviluppaw kurrikulu multi-dixxiplinarju konġunt li jittratta l-agrituriżmu kif ukoll servizzi tal-inġinerija għall-ospitalità, l-industrija marittima u possibbilment oqsma oħrajn.
Fl-aħħar nett il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis u l-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo stqarrew li hija l-politika ta’ dan il-Gvern li joħloq sinerġiji bejn l-entitajiet sabiex dan il-pajjiż jikseb suċċess li jissarraf f’aktar investiment, dħul dirett, impjiegi ta’ kwalità u tkabbir fil-ġid nazzjonali.