David Casa jħeġġeġ għal aktar inċentivi biex il-missierijiet igawdu mill-leave tal-ġenituri
More in Politika
Il-kap tad-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa qal li n-nisa li jirritornaw għax-xogħol wara perjodu twil ta’ leave tal-ġenituri jiffaċċjaw ħafna ostakoli, mhux l-inqas dawk relatati ma’ progress fil-karriera tagħhom. Huwa qal dan matul dibattitu fil-plenarja tal-Parlament Ewropew li qiegħdha tiltaqa’ ġewwa Strasburgu, liema dibattitu jitratta il-ftehim milħuq bejn l-imsieħba soċjali fuq livell ta’ Unjoni Ewropea fir-rigward tal-leave tal-ġenituri.
“L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel huwa valur fundamentali fi ħdan l-UE u obbjettiv tal-UE. Huwa ukoll katalist ghat-tkabbir ekonomiku. In-nisa jifformaw parti essenzjali mill-ekonomija taghna. Kostantament qieghdin ninkoraggixxu in-nisa sabiex jidħlu fid-dinja tax-xogħol, imma dan mhux dejjem ikun possibli minħabba ħafna ostakli li l-mara tiltaqa’ magħhom meta terġa’ lura fid-dinja tax-xogħol wara perjodu twil ta’ leave tal-ġenituri. Dan il-fatt jista’ jsir nassa għall-esklużjoni mid-dinja tax-xogħol jekk ma jkunx hemm distibuzzjoni ekwa tal-leave bi ħlas u dak bla ħlas, kif ukoll tax-xogħol, u tar-responsabbilitajiet li ġġib magħha l-familja.”
Il-qafas tal-ftehim dwar il-leave tal-ġenituri għandu jghin sabiex jinkoraggixi tqassim indaqs tar-responsabbilitajiet tal-familja bejn l-irġiel u in-nisa.
David Casa, li tkellem f’isem il-Grupp Parlamentari tal-PPE, kompla jghid li il-politika tal-gvernijiet għandha tagħti inċentivi lill-missierijiet sabiex huma wkoll jieħdu l-leave tal-ġenituri. Casa qal li l-gvernijiet tal-UE għandom jaħdmu sabiex jikkrejaw konvergenza akbar f’termini ta’ tpartit tal-aqwa prattici fil-qasam tal-bilanc bejn ix-xoghol u l-ħajja privata, b’enfasi partikolari fuq politika li tgħin lill-ommijiet jidħlu, jibqghu u jirritornaw fid-dinja tax-xoghol u ghall missierijiet sabiex dawn jipparteċipaw aktar fil-ħajja tal-familja u sabiex jinċentivaw il-missierijiet sabiex huma ukoll jieħdu l-leave tal-ġenituri.
Il-ko-ordinatur tal-PPE fil-kumitat tal-impjiegi saħaq li sabiex il-miżuri politiċi u leġislattivi jkunu ta’ suċċess għandu jkun hemm xibka sana ta’ infrastruttura għal-kura tat-tfal li jkun aċċessibbli, inklussiv, affordabbli u ta’ kwalita’ għolja. Dan għandu jkun għad-dispozizzjoni tal-ġenituri min meta dawn jerġgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol, b’enfasi partikolari għall-familji li ġejjin min ambjenti deprivati, jew li huma f’riskju ta’esklużjoni soċjali.