Skont studju tal-Caritas intitolat 'A Minimum Essential Budget for a Decent Livining-2016' ġenitur waħdu għandu mas-€766 fix-xahar jew €9,197 fis-sena biex ikun jista' jlaħħaq mal-ispejjeż u jgħix ħajja diċenti. Din il-figura, fost figuri oħrajn jinkludu u jinkorporaw il-massimu tas-sussidji u benefiċċji li jipprovdi l-istat fosthom skemi ta' ikel, enerġija, mediċina u akkomodazzjoini soċjali.
Dan ifisser li l-ispiża ta' persuna li hija ġenitur waħdedha, hija ikbar mill-paga minima hekk kif maħduma mid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi (DIER). Skont is-sit tal-istess Dipartiment, il-paga minima kull ġimgħa għal dawk li għandhom aktar minn 18-il sena tlaħħaq il-€168, li tfisser €672 kull xahar. Dan ifisser li hemm diskrepanza ta' kważi €100 bejn l-ispiża ta' single parent kull xahar u l-paga minima.
Ir-rapport juri wkoll kif koppja b'żewġt itfal jeħtieġu €954 fix-xahar jew €11,446 fis-sena.
Leonid McKay, Direttur ta’ Caritas Malta, spjega kif il-Caritas qed tistabbilixxi kemm jiswa basket ta’ oġġetti u servizzi essenzjali għal familji bi dħul baxx biex ikunu jistgħu jgħixu ħajja diċenti. Il-basket jinkludi: ikel, ħwejjeġ, iġene personali, mediċini, bżonnijiet tad-dar u servizzi fosthom telefown, mowbajl, televixin, internet, dawl, ilma, gass u għamara, stationery, uniformijiet, trasport pubbliku u l-ispiża ta’ kirja ta’ dar għal dawk li jgħixu f’akkomodazzjoni tal-Gvern. Il-prezzjijiet jirriflettu l-prezz tas-suq tax-xahar ta’ Novembru 2015. Is-Sur McKay enfasizza li dan il-basket ikopri biss oġġetti u servizzi li verament huma neċessarji.