‘Jew għandek ħin għalina jew ma nivvutawlekx’

Il-militanti wara Cardona, il-moderati wara Bonnici u l-amministrazzjoni ma’ Zrinzo

 ‘Jew għandek ħin għalina u għall-partit, jew inkella mhux se nivvutawlek.” Din qed tkun il-kundizzjoni li jidher li ħafna delegati tal-Partit Laburista qed jagħmlu lil Chris Cardona, Owen Bonnici u Stefan Zrinzo Azzopardi meta dawn qed imorru għandhom u jitolbuhom il-vot.

L-ILLUM tinsab infurmata li dawk li qed jappoġġjaw il-kandidatura ta’ Stefan Zrinzo Azzopardi qed jirkbu fuq dan is-sentiment biex jimbuttawh u jagħtuh palata, anke jekk dan huwa kandidat tal-PL għall-elezzjoni li jmiss fuq il-ħames distrett.

Sorsi midħla sew tal-PL spjegaw kif il-maġġoranza tal-membri li huma parti mill-amministrazzjoni tal-Partit Laburista u anke dawk in-nies li dejjem appoġġjaw lil Michael Falzon qegħdin, anke jekk privatament, jappoġġjaw il-kandidatura ta’ Zrinzo Azzopardi. Huwa membru wieħed biss tal-amministrazzjoni li qed jappoġġja kandidat ieħor.

Intant mir-rispons tad-delegati lil din il-gazzetta jidher li l-aktar fazzjonijiet militanti tal-Partit Laburista, li jinkludu l-maġġoranza tad-delegati veterani, qed jappoġġjaw lil Cardona filwaqt li Bonnici għandu saħħa f’Għawdex, grazzi għall-appoġġ li qed tagħtih Ġuża Cassar li nnominatu għall-kariga, u mal-elementi aktar moderati fost id-delegati.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat qed iżomm ’il bogħod milli b’xi mod jesprimi lilu nnifsu fil-pubbliku. Minkejja dan, sors qrib wieħed mill-kandidati qal lill-ILLUM li, “Muscat diġà għamel l-għażla tiegħu u se jżommha mistura biex ma jinħoloqx diżgwid f’dan il-mument delikat għall-Partit.”

More in Politika