‘Iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista żvojta u sar bla ħajja’
Id-delegati tal-Labour jgħidu tagħhom mal-illum.com.mt dwar lil min, mit-tliet kandidati, jridu bħala Deputat Mexxej ġdid
minn Albert Gauci Cunningham
“Illum, iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista huwa vojt u bla ħajja. Nifhem li dan ġara għax ridna naħdmu u niffukaw fuq l-iggvernar. Għalhekk, jien naħseb li għandna bżonn lil xi ħadd li ilu jaħdem fil-partit bħalma hu Zrinzo Azzopardi.” Hekk sostna mas-sit illum.com.mt delegat tal-PL mis-sitt distrett meta ikkuntattjat aktar kmieni din il-ġimgħa. Dan kien wieħed mill-bosta delegati li tkellem magħhom dan is-sit f'eżerċizzju magħmul biex l-illum.com.mt jifhem u janalizza aħjar is-sentiment tad-delegati, ftit biss qabel ma jkunu msejħin biex jivvutaw għal Deputat Mexxej ġdid.
Imma mhux kulħadd jaħsibha bħalu. Delegat tal-PL minn Għawdex spjega kif qed jara rebħa konvinċenti għal Cardona, li tista’ sseħħ wara l-ewwel għadd tal-voti. “Chris dejjem kien tarka għan-nies tal-Partit, lest jaqbeż fin-nar għad-delegati, għalhekk naħseb li l-istħarriġ tal-illum.com.mt kien indikattiv meta wera maġġoranza favur Cardona.”
Minn 6,000 qarrej li ħadu sehem f'dan l-istħarriġ, 43% għażlu lil Chris Cardona bħala l-favorit tagħhom, filwaqt li 30% għażlu lil Owen Bonnici, l-kumplament, jew 27%, marru għal Stefan Zrinzo Azzopardi.
Iżda delegata oħra minn Għawdex, filwaqt li ammettiet li l-maġġoranza tad-delegati li huma ‘hardcore’ huma favur Cardona, żiedet tgħid li “Owen għandu l-kalma u l-kariżma bħal ta’ Joseph Muscat.” Delegat żagħżugħ mir-raba’ distrett qal li wara l-emendi li ressaq il-partit fi Frar, “la għandna ċ-ċans nagħmlu Ministru bħala Deputat Mexxej u la hekk iddeċidiet il-konferenza, mela nħoss li għandna neleġġu ministru fil-kariga.”
Ma’ dan ma jaqbel assolutament xejn delegat veteran mit-12-il distrett li qal li d-delegati huma mweġġgħin wara l-kwistjoni ta’ Konrad Mizzi. “Hemm ix-xewqa li din id-darba jkun xi ħadd li se jiddedika lilu nnifsu għall-partit, għalhekk se nivvota lil Zrinzo. Għalkemm nispera li mhux se jiġri bħal fil-każ ta’ Toni Abela, li sab ħafna bibien magħluqin.” Delegat ieħor din id-darba mid-distrett l-aktar Laburist li hawn f’pajjiżna, it-tieni distrett soistna hekk; “Nirrispetta lil kulħadd, u Owen u Chris qed jagħmlu xogħol tajjeb ħafna, imma Ministru se jkollu ħin għall-partit? Speċjalment bil-Presidenza ta’ Malta tal-UE?” Huwa qal mal-ILLUM li d-delegati huma differenti u mhux rappreżentattivi tal-opinjoni pubblika “għalhekk naħseb li jista’ jkollna sorpriża.”
Numru ta’ delegati qalu lil din il-gazzetta li l-bidliet li seħħu fi Frar kienu “eċċezzjoni” bid-delegat mit-tieni distrett saħansitra jgħid li, “dakinhar biddilna għall-konvenjenza.” Iżda delegat ieħor u kandidat għall-elezzjoni ġenerali sostna li ma jagħmilx sens li wara li nbidel l-istatut, id-delegati jibagħtu messaġġ li jikkuntrasta ma' dak li seħħ fi Frar. "Veru li Zrinzo Azzopardi mhux Ministru, imma li mhux qed jgħid huwa li ħiereġ għall-elezzjoni. Diġà qiegħed iħabbat il-bibien fil-ħames distrett.”
Delegat mill-ħames distrett qal lill-ILLUM li għalkemm hu għadu ma ddeċidiex, jemmen li t-tiġrija finali se tkun bejn Chris Cardona u Owen Bonnici, “u iva, huwa tajjeb li jkun Ministru d-Deputat Mexxej, għax b’hekk ikollu aktar ċans u poter jagħmel il-bidliet u jressaq l-ilmenti fl-ogħla organi tal-pajjiż, fosthom il-Kabinett. Kunsillier tal-Partit Laburista iżda, ma jaqbilx li se tkun ġirja bejn Cardona u Bonnici u jisħaq li minflok Bonnici, il-Ministru Karkariż se jiffaċċja l-akbar kompetizzjoni minn Zrinzo Azzopardi.
Fost dawk li jaħsbu li Bonnici mhux se jġib ħafna voti, hemm l-idea li l-Ministru, filwaqt li effiċjenti f’xogħlu, mhuwiex meqjus bħala bniedem voċiferu biżżejjed. Dawk li ma jixtiqux lil Cardona qed jibżgħu li l-PN u l-alleati tiegħu se jkunu qed jiftħu baraxx ta’ attakki fuq dak li delegat iddeskriva bħala “l-karattru kkulurit ta’ Cardona.” Dawk li ma jixtiqux li Zrinzo Azzopardi jkun Deputat Mexxej semmew il-passat u kif dan il-kandidat mhux dejjem kien alleat mal-Partit Laburista.
Intant ara hawn kif qed jilqgħu lit-tliet kandidati d-delegati tal-PL