‘Il-kumpaniji intermedjarji huma s-sinsla tas-servizzi finanzjarji’
'Kieku Konrad applika ma’ Fenlex ma kienx jgħaddi mid-‘due diligence’'
More in Politika
'Kieku Konrad applika ma’ Fenlex ma kienx jgħaddi mid-‘due diligence’'
Il-President tal-Kunsill Eżekuttiv tal-PN Ann Fenech iddiskriviet il-kumpaniji intermedjarji bħala s-sinsla li fuqhom mibnijin is-servizzi finanzjarji. F’kumment lil din il-gazzetta b’reazzjoni għall-editorjal tal-Ħadd li għadda, Fenech fakkret kif kull kumpanija intermedjarja fis-servizzi finanzjarji hija marbuta b’proċess sħiħ ta’ ‘due diligence’.
“Sakemm il-proċeduri ta’ due diligence qed jiġu segwiti, min qed jassisti lill-klijenti mhu qed jagħmel xejn ħażin,” sostniet Fenech.
Mal-ILLUM, Fenech fakkret kif il-kumpaniji intermedjarji “huma s-sinsla li fuqhom mibnijin is-servizzi finanzjarji u l-operat ta’ dan is-settur li jħaddem tant nies jiddependi fuq dawn il-kumpaniji.” Hija sostniet li tinkwieta li hawn min f’pajjiżna qed jitfa’ lil min jipprovdi servizz f’dan il-qasam fl-istess keffa ma’ min qed jagħmel xi ħaġa ħażina jew kriminali.
Mistoqsija x’kien jiġri kieku Konrad Mizzi mar għand Fenlex, il-kumpanija li tagħha hi Managing Partner, u jitlob li tinfetaħ kumpanija jew kont il-Panama, Ann Fenech pront wieġbet li “l-applikazzjoni tiegħu ma kinitx tgħaddi mill-ewwel sfida u Fenlex ma kinitx tipproċedi.”
Ikkuntattjata minn din il-gazzetta, Fenech ċaħdet bil-qawwa li hi jew kumpaniji intermedjarji qatt servew ta’ vejikolu biex jinħbew il-flus jew biex issir evażjoni tat-taxxa u fakkret ukoll li hi fil-fatt, qatt ma operat fis-servizzi finanzjarji u dejjem kienet tispeċjaliżża fil-liġi, speċifikament fil-qasam marittimu.
Meta mistoqsija kif twieġeb għall-akkużi li l-kumpanija Fenlex assistiet nies li riedu jiftħu kontijiet fil-Panama, Fenech qalet li l-kumpanija qatt ma assistiet nies biex jiftħu kont il-Panama, ħlief fl-2003 “meta l-Panama ma kinitx blacklisted, u meta jien lanqas biss kont ma’ Fenlex.”