Il-Presidenza Maltija tal-UE: Opportunita' biex Malta tmexxi l-aġenda Ewropea
More in Politika
F’laqgħa tal-Core Group tal-MEUSAC, ġew diskussa t-tħejjijiet li qed tagħmel Malta għall-Presidenza tal-Unjoni Ewropea 2017. Fil-ftuħ tal-laqgħa l-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli qalet li aktar ma joqrob iż-żmien tal-Presidenza, laqgħat bħal dawn isiru aktar importanti sabiex Malta tkun preparata tajjeb għall-Presidenza.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea 2017 u l-Fondi Ewropej Ian Borg irrefera għall-Presidenza bħala żmien li fih Malta trid tara x’tagħti u mhux biss kif ħa tiggwadanja. Matul il-Presidenza, pajjiżna jrid jibqa’ jżomm f’moħħu l-interessi nazzjonali filwaqt li jmexxi ’l quddiem l-aġenda fuq livell Ewropew.
Dr Borg ta rendikont tal-preparamenti li qegħdin isiru fuq livell loġistiku u politiku hekk kif ninsabu biss seba’ xhur ’il bogħod mill-Presidenza. Is-Segretarju Parlamentari spjega li tul il-Presidenza ta’ Malta se jinżammu madwar 1,500 laqgħa teknika fi Brussell, filwaqt li f’Malta se jsiru madwar 200 laqgħa informali, li 19 minnhom se jkunu laqgħat ta’ livell ministerjali jew ta’ livell għoli. Hu semma li fl-ewwel sitt xhur tas-sena d-dieħla Malta mistennija tospita madwar 20,000 uffiċjal mill-istati membri l-oħra u mill-istituzzjonijiet tal-UE.
Is-Segretarju Parlamentari tkellem ukoll dwar avvenimenti li jista’ jkollhom impatt fuq il-Presidenza, bħar-referendum li se jsir fir-Renju Unit fit-23 ta’ Ġunju li ġej, l-elezzjonijiet f’pajjiżi oħra bħal Ġermanja u Franza, u t-tmiem tal-mandat tal-President tal-Kunsill Ewropew u dak tal-Parlament Ewropew rispettivament.
Meta rrefera għall-programm tal-Presidenza Maltija, Dr Borg qal li wara li saru laqgħat bejn il-ministeri, entitajiet tal-Gvern, imsieħba soċjali, u għaqdiet mhux governattivi, dan issa qed jiġi finalizzat. Filwaqt li stieden lill-membri biex iwasslu r-reazzjonijiet tagħhom lit-team li qed jieħu ħsieb it-tħejjijiet għall-Presidenza, is-Segretarju Parlamentari Ian Borg qal li kif sar għall-programm tat-Trio Presidency, hu mistenni li dak tal-Presidenza Maltija jkun ukoll programm konċiż.
Is-Segretarju Parlamentari qal ukoll li wħud mit-temi ewlenin tal-Presidenza Maltija bħas-Suq Uniku u l-leġiżlazzjoni marbuta miegħu, il-migrazzjoni, l-affarijiet marittimi, l-Unjoni tal-Enerġija, l-Aġenda Diġitali, l-Ekonomija Ċirkolari, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali u l-Libertajiet Ċivili. Il-Kap tal-MEUSAC Vanni Xuereb semma li l-MEUSAC jifforma parti mill-istruttura interministerjali li qed tikkordina l-Presidenza kif ukoll jaħdem mill-qrib mas-segretarju tal-Presidenza u mat-tim li qed jieħu ħsieb.