Skont l-istudju minn Cambridge English ippublikat il-ġimgħa l-oħra, 'The English Benchmarking Study in Maltese Schools' l-ommijiet ġeneralment jikkomunikaw aħjar mill-missirijiet bl-Ingliż ma' uliedhom. Fil-fatt l-istudju juri kif meta mistoqsijin kemm ommhom titkellem tajjeb bl-Ingliż, 67% tal-istudenti fil-Primarja wieġbu ‘tajjeb ħafna’, filwaqt li 51% tal-istudenti fis-sekondarja taw l-istess risposta.
Iżda min-naħa l-oħra, kienu 53% tal-istudenti fil-Primarja li qalu li missierhom kapaċi jitkellem Ingliż tajjeb ħafna u 37% biss tal-istudenti fis-sekondarja li qalu li missierhom jitkellem il-lingwa tajjeb.
Hawnhekk, il-persentaġġ ta’ missirijiet li jew ma tantx jitkellmu Ingliż tajjeb jew li ma jistgħux jitkellmu bl-Ingliż jitla’ għal 18% fost studenti tal-Primarja u 26% fost l-istudenti tas-sekondarja.
Naqra bl-Ingliż...nitkellem bil-Malti
L-użu tal-Ingliż ivarja, fis-sens li l-istudju ta’ Cambridge juri kif il-lingwa Ingliża hija użata fil-ħajja ta’ kuljum tal-istudenti Maltin. Huwa ċar li l-Ingliż huwa użat, kważi esklussivament fejn jirrigwarda films, qari u f’dak kollu li huwa online. Fl-istess ħin iżda, l-użu tal-istess lingwa fil-mitkellem huwa ferm inqas.
Fil-fatt, filwaqt li 69% u 78% tal-istudenti fil-Primarja u fis-Sekondarja rispettivament jaraw programmi televiżivi jew films bl-Ingliż, huma 30% u 18% biss tal-istudenti f’dawn iż-żewġ livelli tal-iskola li jitkellmu Ingliż mal-ħbieb. Inqas minn hekk, meta l-komunikazzjoni tinfirex fuq livell lokali l-użu tal-Ingliż jerġa’ jonqos b’mod drastiku. Fil-fatt huma biss 8% tal-istudenti fis-sekondarja li jużaw l-Ingliż meta jitkellmu ma’ nies oħrajn fl-istess villaġġ, belt jew raħal. Kważi nofs dawk l-istudenti li pparteċipaw fl-istudju, jew 45% qalu li qatt ma jużaw l-Ingliż meta jitkellmu ma’ nies mil-lokal.
Dawn il-figuri huma riflessi wkoll f’dak li jirrigwarda l-ġenituri. Maġġoranza qawwija ħafna, jew 83% tal-ġenituri jsegwu stazzjonijiet jew films bl-Ingliż, filwaqt li huma 13% biss tan-nies li jikkomunikaw bl-istess lingwa meta jkunu qed jissoċjalizzaw ma’ persuni mir-raħal, villaġġ jew belt fejn jgħixu.
Dan juri li l-użu tal-lingwa jvarja iktar skont il-kuntest li fih qed jintuża. Huwa ċar, minn dan l-istudju li minkejja prevalenza qawwija tal-Ingliż f’dak kollu li jirrelata mal-midja, speċjalment dik soċjali, fuq livell komunitarju, ħafna nies jippreferu li jużaw il-Malti biex jikkomunikaw ma’ nies li ma jafux daqstant. Jista’ jkun allura li dan l-istudju qed jindika li l-għażla tal-lingwa lil hinn mill-iskola tibda u tispiċċa mal-konfini stretti tad-dar, f’ħafna każi.
L-Ingliż huwa importanti għall-futur tiegħi
L-istudju juri bl-aktar mod ċar li l-lingwa Ingliża ħafna jħarsu lejha bħala ċ-ċavetta għall-futur tagħhom, f’dak li jirrigwarda karriera. Xejn inqas minn 77% tal-istudenti li pparteċipaw fl-istudju ta’ Cambridge huma tal-fehma li l-Ingliż huwa importanti biex ikunu jistgħu jidħlu l-Università, waqt li 81% jaħsbu li huwa importanti biex ikollhom impjieg tajjeb. Il-ġenituri qegħdin fuq l-istess binarju, fejn 81% iħossu li l-Ingliż huwa importanti għall-Università u 83% jaħsbu li importanti biex isibu impjieg tajjeb.
Apparti minn dan iżda, din il-lingwa hija meqjusa bħala importanti wkoll f’dak li jirrigwarda vjaġġar u komunikazjoni permezz tal-internet.
Ir-reazzjoni ta’ dawk li pparteċipaw f’dan l-istudju kienu kważi kollha unanimi, bi student partikolari jfakkar li bilfors jeħtieġ li jkollok għarfien tal-Ingliż jekk trid tgħix f’soċjetà fejn l-Ingliż huwa użat kontinwament. “Suġġetti importanti bħall-Bioloġija u l-Kimika huma studjati bl-Ingliż,” qal student, filwaqt li omm li tibgħat lil uliedha fi skola tal-Gvern tispjega kif hi taħdem f’bank “u l-komunikazzjoni kollha anke permezz tal-emails hija bl-Ingliż.” Omm oħra tgħid hekk, “L-Ingliz huwa bżonnjuż madwar id-dinja, bil-Malti sa Malta biss tista’ tasal.”