Owen Bonnici l-aktar imfittex fuq facebook

Mit-tliet kandidati għal deputat Mexxej Bonnici għandu l-aktar 'likes'

Mit-tliet kandidati għal deputati mexxej tal-Partit Laburista huwa l-Ministru Owen Bonnici, l-iktar li għandu paġna popolari fuq facebook.

Illum il-midja soċjali hija kruċjali għall-politiċi biex iżommu kuntatt mal-kostitwenti u l-pubbliku, li juża dawn it-tip ta’ paġni biex iressaq l-ilmenti, is-suġġerimenti u l-ħsibijiet tiegħu.

Paġna bħal din tindika kemm il-popolarità tal-politiku, kif ukoll titfa’ dawl dwar kemm il-kampanji tiegħu huma organizzati. Fil-fatt fil-kampanja għal deputat mexxej, anke jekk hi waħda interna fil-Partit Laburista, rat il-kandidati jużaw il-paġna tagħhom fuq facebook biex jippromwovu l-messaġġ tagħhom.

Il-Ministru Owen Bonnici għandu 14,075 like, il-Ministru Chris Cardona għandu  9,845 like u l-avukat Stefan Zrinzo Azzopardi 2,343 like.

Jekk naraw kif kienet użata l-paġna tagħhom fuq facebook fl-aħħar ġimgħat ninnotaw ċertu differenza. Il-Ministru Chris Cardona emfasizza l-punt li hu tkellem għall-Partit Laburista f’kull ċirkostanza u rajna ħafna filmati b’interventi li għamel fi programmi tat-televiżjoni. Xi ħaġa li għamlu wkoll it-tnejn l-oħra.

Bi stil differenti, il-Ministru Bonnici uża l-facebook biex juri kif hu għandu appoġġ wiesa’ fis-soċjetà Maltija. Tant li minbarra li tkellem dwar il-politika tiegħu uża ħafna endoresments minn nies minn sezzjonijiet differenti tal-ħajja fosthom professjonisti u ċelebritajiet. Xi ħaġa simili għal dak li kien għamel Joseph Muscat qabel inħatar mexxej tal-Partit Laburista. Indikazzjoni ċara li nies li kienu fil-kampanja ta’ Muscat illum huma parti mill-kampanja ta’ Owen Bonnici.

L-avukat Stefan Zrinzo Azzopardi emfasizza l-iktar il-messaġġ tiegħu, b’emfasi iktar mill-oħrajn fuq il-proposti tiegħu. L-istil ta’ Zrinzo kien ukoll iktar modest xi ħaġa li turi kif kandidat li ma jkunx ministru għandu inqas riżorsi minn wieħed li hu. Biss biss ministru għandu l-istaff tiegħu.

L-elezzjoni se ssir il-Ħamis u l-Ġimgħa u jekk mill-kandidati ma jġib 50% ssir elezzjoni oħra s-Sibt biż-żewġ kandidati li jmorru l-aħjar. 

 

More in Politika