[Filmat] Il-kelliema tal-PN għat-trasport tammetti li ma tużax it-trasport pubbliku
Il-Kelliema tat-trasport pubbliku tal-PN Marthese Portelli tammetti li t-trasport pubbliku ma tantx taqbdu għax mhux effiċjenti biżżejjed meta jkollok skeda
minn Albert Gauci Cunningham
'Tal-linja ma tantx nużaha', hekk stqarret il-Kelliema tal-PN għat-trasport, fosthom trasport pubbliku Marthese Portelli f'intervista li kienet ippublikata fuq il-gazzetta ILLUM. Hija qalet li l-aħħar li użat tal-linja kienet ma xi ħbieb 'biex ikollna l-esperjenza' u saħqet li meta jkollok skeda it-trasport pubbliku mhux effiċjenti biżżejjed. Minflok, fuq bażi personali, Marthese spjegat kif qed tibgħat lit-tifel tagħha l-iskola bil-vann u tagħmel carpooling.
‘Nixtiequ li r-riforma tkun waħda suċċess’
L-għażla tat-trasport pubbliku minflok l-użu tal-karozza privata hija waħda mill-modi ta’ kif jitnaqqsu l-karozzi mit-toroq, iżda biex il-passiġġiera jitħajru dejjem iktar jagħmlu użu minn dan is-servizz, jeħtieġ li dan ikun wieħed ta’ ċertu livell. Fil-fatt, minn stħarriġ li għamlet din il-gazzetta stess ftit tal-ġimgħat ilu, jidher li s-sentiment ta’ rabja rigward is-servizz naqas, u hemm iktar element pożittiv. Ħafna mill-passiġġiera li tkellmu ma’ din il-gazzetta kienu indikaw li għalkemm is-servizz ma kienx wieħed perfett, huma setgħu jinnutaw ċertu titjib fir-rotot li jużaw. Dwar dan, il-gazzetta staqsiet lid-deputata Portelli jekk tirrikonoxxix li sar dan it-titjib. “Issa, dħalna fit-tielet sena minn meta kellha tidħol fis-seħħ ir-riforma tat-trasport pubbliku, u aħna bħala PN nixtiequ li din tkun waħda suċċess.” Kompliet tgħid li jekk it-trasport pubbliku jkun wieħed tajjeb u effiċjenti, dan jgħin biex tittaffa l-problema tat-traffiku f’pajjiżna, waqt li enfasizzat li fil-35 proposta li hemm fir-rapport, qed tiddaħħal ukoll l-idea tax-‘shared modes of transport’ fejn ikun hemm iktar minn użu wieħed għall-istess biljett, jew inkella jiġu magħquda żewġ servizzi flimkien. “Jekk taqsam ix-xatt, mal-biljett għandek awtomatikament biljett għal-lift tal-Belt Valletta. B’hekk, tkun qed tħajjar lin-nies biex jużaw żewġ modi li se jwassluh fil-post fejn jixtieq. Aħna qed nissuġġerixxu iktar minn dawn it-tip ta’ inizjattivi fejn jidħol it-trasport pubbliku.” Tkompli billi ssemmi proposta dwar rotot diretti li jieħdu lill-passiġġiera dirett lejn postijiet viċin il-baħar sabiex minn hemm, jaqbdu mezzi oħra ta’ trasport. Bl-istess mod, Portelli semmiet kif ikun tajjeb li jingħaqdu r-roti mal-karozzi tal-linja, “għaliex m’għandux ikollna ċertu bicycle depots viċin ċerta vened tal-linja? Hekk, tkun tista’ tuża r-rota għal distanzi twal, imbagħad ir-rota għal distanzi iżgħar.”
‘Ħadt qatgħa għax is-sussidju trippla u jista’ jkompli jiżdied’
“Meta ġie ppubblikat il-kuntratt, jien ħadt qatgħa meta rajt li s-sussidju trippla, u dan jista’ jkompli jiżdied ’il quddiem.” Portelli sostniet li dan is-sussidju li qed jingħata mill-Gvern għat-trasport pubbliku jista’ jogħla għal diversi raġunijiet, “is-sussidju jiżdied jekk jiżdiedu r-rotot, jekk jiżdiedu l-bus stops, eċċ, allura l-operatur għandu l-aqwa għodda sabiex jirranġa s-servizz. Xtaqt ħafna li kieku s-servizz beda jaħdem tajjeb sa mill-ewwel ġurnata, imma għall-magħmul m’hemmx kunsill, u issa għaddew tliet snin, u s-sistema tat-trasport pubbliku ma kinitx waħda effiċjenti. Jiena nittama li ssir waħda effiċjenti, imma mhux a skapitu tal-poplu Malti u Għawdxi.
Portelli kompliet tgħid li, “Waqt li l-poplu qed iħallas biex ikollu servizz aħjar, il-kumpanija x’inċentivi għandha biex tassigura li r-rotot ikunu verament tajbin u effiċjenti? Inkella, jekk għal kull kambjament li se jsir, se jkun hemm iż-żieda fis-sussidju, allura hemm se jkollna kumpanija li moħħha biex tbiddel, iżżid u tnaqqas ir-rotot għax awtomatikament, se jiżdidilha s-sussidju.” Marthese Portelli kompliet tgħid li hi tixtieq li jkun hemm sistema ta’ trasport pubbliku tajjeb u sistema ta’ rotot li taqdi lil dawk li jridu jużaw it-trasport. Iżda dan kollu, mhux għad-detriment tal-poplu li jkollu jħallas iktar, mhux f’nollijiet iżda b’mod indirett mit-taxxi.
Għal dan, il-gazzetta ILLUM tistaqsi jekk il-Partit Nazzjonalista hux qed jipproponi li jitnaqqas is-sussidju fuq it-trasport pubbliku, biċ-ċans allura, li s-servizz imur għall-agħar. Portelli, pront irrispondiet li, “diment li jkollok sussidju li joħloq bilanċ ġust mas-servizz li qed jingħata u rridu li t-trasport pubbliku jirnexxi, is-sussidju għandu jingħata.” Minkejja dan, żiedet tgħid, “li mhux ġust huwa li s-sussidju jitrippla, minn €10m tela’ għal €30m, u minkejja dan, għad baqa’ numru kbir ta’ nies jilmentaw dwar is-servizz. Allura kienet tajba d-deċiżjoni li nżidu s-sussidju b’€20m? U la n-nies għadhom qed igorru, fejn qed imur is-sussidju?”
Rotot ġodda diretti b’taxis jew minibuses
F’proposta partikolari tad-dokument maħruġ mill-PN, hemm propost li jkun hemm servizz dedikat, partikolarment għal destinazzjonijiet li f’ħinijiet u ġranet partikolari, jkollhom influss kbir lejhom, bħal istituzzjonijiet edukattivi, l-Isptar u postijiet ta’ diverstiment. Allura, din mhux simili għas-servizz diġà offrut ta’ rotot diretti lejn postijiet differenti bħall-Università?
Hawnhekk, id-deputata Nazzjonalista tgħid kif din il-proposta tmur oltrè mit-trasport pubbliku u qed jiġu inklużi l-minibuses, lil tat-taxis eċċ. “Hemm numru ta’ miżuri fejn wieħed jista’ jabbina u juża aħjar it-trasport pubbliku, però f’dan it-trasport dedikat, qed naraw li hawn niċċa fejn nistgħu ninvolvu iktar nies li jaħdmu f’dan is-settur.” Hawnhekk, tat l-eżempji tad-diversi monti li jiġu armati madwar Malta f’kull jum tal-ġimgħa. “Hemmhekk għandek masses ta’ nies li jitilqu minn post u jmorru għal ieħor, għalhekk huwa faċli li tikkalkula kemm se jkun hemm moviment u fi x’ħin, biex ikun hemm trasport li jmur dirett lejn id-destinazzjoni. U b’hekk,” tkompli tgħid id-deputata Nazzjonalista, “qed tinċentiva lil min is-soltu jmur bil-karozza tiegħu billi toffri trasport effiċjenti biex imur fid-destinazzjoni b’mod dirett.”