Muscat: 'Dejqitni li ħarisna 'l ġewwa'...jeħtieġ nibqgħu moviment għal kulħadd'

Muscat jirrifjuta l-proposta tal-PN dwar l-ODZ u jakkużah li jrid li jkunu l-politiċi li jiddeċiedu proġett tal-privat għandux isir jew le - jgħid li l-isfida li jmiss tal-Gvern huwa li jiġġieled il-burokrazija

Il-Mexxej Laburista Muscat mal-amministrazzjoni tal-PL
Il-Mexxej Laburista Muscat mal-amministrazzjoni tal-PL

Waqt il-ftuħ tal-Konferenza Straordinarja li se twassal għall-elezzjoni għal Deputat Mexxej ġdid tal-Partit Laburista il-PM u Mexxej Laburista qal li dejjqu ftit il-fatt li f'dawn l-aħħar ġimgħat il-partit ħares wisq 'l ġewwa. "Kien kważi naturali li nħarsu ‘l ġewwa, imma jkolli ngħid li dejqitni ftit, għax ħsibt li se nerġgħu nibdew nitkellmu bejnietna, li nistgħu nibdew naħsbu li ta’ bejnietna tajjeb u ta' barra huwa ħażin. Irridu niftħu aktar u nħarsu aktar lejn il-futur b’mod pożittiv," qal Muscat li sostna illi hu jrid li l-Partit Laburista jibqa' moviment.

Kemm għandna biex inkunu kburin li l-Partit tax-xogħol ġab l-ogħla rata ta' xogħol f'pajjiżna Joseph Muscat

'Kemm għandna biex inkunu kburin li l-Partit tax-xogħol ġab l-ogħla rata ta' xogħol f'pajjiżna", qal Muscat  għaċ-ċapċip tad-delegati preżenti. Filwaqt li fakkar li l-partit li jmexxi huwa tal-ħaddiema imma wkoll tax-xogħol fetaħ l-attakk fuq il-proposta tal-PN li żvilupp ODZ jgħaddi mill-Parlament biż-żewġ terzi tal-voti. Fil-fatt, kompla jgħid Muscat din taż-żewġ terzi mhi vera xejn, għax jekk il-proġett ma jgħaddix biż-żewġ terzi darbtejn mill-Parlemant, imbagħad il-Gvern ikun jista jgħaddih kif irid.

Muscat kompla jgħid li d-direzzjoni hija ċara, “m’għandu jkun hemm  l-ebda ħsieb ieħor, dan il-partit irid ikun moviment. In-nies iridu jarawna bħala Gvern, mhux il-partit tal-Oppożizzjoni. Fil-fatt, illum, anke min hu xettiku,” sostna Muscat, “ma jmurx għand il-PN imma jistenna iktar mingħandna.”

Huwa qal illi l-Partit se jibqa’ l-partit naturali tal-Gvern, għalkemm ammetta n-nuqqasijiet. “Irridu nkunu umli biex nindunaw li hemm min għandu raġun u hemm min le”. Muscat akkuża lill-Kap tal-Oppożizzjoni illi  qed joffri proposti li jumiljaw lill-foqra, filwaqt li l-Gvern preżenti, kompla jfakkar, raħħas id-dawl u l-ilma kif raħħas ukoll l-uniformijiet tat-tfal.

 

 

More in Politika