'Il-prijorità assoluta tiegħi huwa x-xogħol tal-partit'

Stefan Zrinzo Azzopardi bl-aħħar appell u messaġġ lid-delegati tal-PL

Stefan Zrinzo Azzopardi
Stefan Zrinzo Azzopardi

Fl-aħħar stqarrija tiegħu il-Kandidat għall-elezzjoni ta' Deputat Mexxejn ġdid tal-PL qal hekk: "Il-laqgħat li kelli fl-aħħar ftit ġimgħat mad-delegati tal-partit kienu esperjenza mill-isbaħ. Laqqgħuni ma’ bosta li kont ili nafhom għal ħafna snin u li magħhom ħdimt mill-qrib meta kont President tal-Partit. Iltaqjt ma’ oħrajn li bdew iservu bħala delegati fl-aħħar tlett snin u kelli l-opportunità li nsir nafhom wkoll.

Għalija, dawn il-laqgħat servew bħala kontinwazzjoni tax-xogħol li kont inwettaq bħala President tal-Partit. Minn dejjem emmint li d-delegati, il-kumitati u l-attivisti tal-partit iridu jkunu fiċ-ċentru ta’ dak li nwettqu bħala Partit Laburista.

Kelli l-opportunità li nfisser il-ħsibijiet tiegħi kif nara li għandna nkattru u nsaħħu l-ħidma tal-Partit. Fl-aħħar tlett snin ninnota li l-attenzjoni marret fuq il-ħidma tal-gvern iżda ninsabu f’mument importanti li filwaqt li tkompli għaddejjha b’saħħitha u b’suċċess il-ħidma tal-gvern jeħtieġ li nwettqu programm vast ta’ ħidma biex il-Partit jitħejja għaż-żmien li ġej b’mod partikolari għall-elezzjoni ġenerali.

Jeħtieġ li l-Partit li jkun aktar preżenti fost in-nies. Partit li jżomm kuntatt aqwa man-nies, mal-familji u mas-soċjetà ċivili fit-tifsira l-aktar wiesgħa tagħha. Element ewlieni li wassalna biex ksibna r-rebħa kbira fl-elezzjoni tal-2013 kienet il-preżenza kbira tagħna. Smajna lil kulħadd, tkellimna u fissirna dak li ridna nwettqu. Fuq kollox, wettaqna ħidma kbira u organizzata li wasslitna għall-għan tagħna.

Irrid nagħti l-ħin tiegħi biex nizgura li nkomplu nkunu l-aqwa forza politika f’pajjiżna. Dispost li nwettaq dak kollu meħtieġ biex nitħejjew għall-isfidi elettorali fil-futur mhux daqstant fil-bogħod.

Irrid li nkun il-vuċi tad-delegati, tal-kumitat u tal-attivisti. Irrid nisma’ kontinwament u nkun hemm biex nieħdu l-passi meħtieġa biex nindirizzaw inġustizzji u talbiet li tressqu iżda li għadhom ma ġewx imwieġba l-aktar biex issir ġustizzja ma dawk li soffrew inġustizzji.

Jeħtieġ li l-Partit li jkun aktar preżenti fost in-nies. Partit li jżomm kuntatt aqwa man-nies, mal-familji u mas-soċjetà ċivili fit-tifsira l-aktar wiesgħa tagħha Stefan Zrinzo Azzopardi

Jekk inkun elett bħala Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, se nagħti prijorità sħiħa lix-xogħol tal-Partit. Naf kemm hemm bżonn ħidma kbira fi ħdan il-Partit u lest li nagħti dak kollu meħtieġ spalla lil Prim Ministru u Mexxej Joseph Muscat.

Nemmen li nista’ nkun element addizzjonali biex filwaqt li l-gvern jibqa’ jikseb l-aqwa suċċessi għal pajjiżna, flimkien mad-delegati, mal-kumitati u l-istrutturi kollha tal-Partit inwettqu ħidma kbira biex il-partit inwassluh għand in-nies u nies għand il-Partit.

Il-ħidma tiegħi se tkun imsejsa fuq ħames priortiajiet, ewlenin fosthom il-ħidma fl-istrutturi tal-Partit, kuntatt qawwi u kontinwu u ħidma li żżommna dejjem qrib in-nies. Nemmen li l-Partit għandu jkun il-benniena tal-ideat il-ġodda li fuqhom irridu nfasslu it-triq tagħna għall-futur.

Fl-għażliet li nkunu qegħdin nagħmlu għandna nżommu dejjem f’moħħna l-għanijiet tal-Partit Laburista. Fl-aħħar tlett snin il-gvern ħadem bi sħiħ biex jinħoloq il-ġid, issa rridu nieħdu dawk il-mizuri u iniżjattivi biex inwasslu l-ġid għand kulħadd. Għalhekk nemmen f'diskussjoni lejn żieda gradwali fil-paga minima.

Konvint li dan kollu nistgħu nwettquh. Ir-rieda tad-delegati u l-attivisti biex naħdmu aktar flimkien u nsaħħu l-ħidma tal-Partit tkompli timlini b’aktar kuraġġ u ssaħħaħ ir-rieda tiegħi li nagħti u nwettaq dak kollu li huwa meħtieġ biex Inkomplu Niksbu Suċċess.

 

More in Politika