Aġġornat: Elezzjoni deputat mexxej: It-tliet kandidati ottimisti

Il-votazzjoni tgħalaq illejla fit-8:00, bir-riżultat joħroġ ftit wara

It-tliet kandidati fit-tiġrija għall-kariga ta' deputat mexxej tal-affarijiet tal-Partit Laburista, tefgħu l-voti tagħhom flimkien iktar kmieni wara nofsinhar, fl-elezzjoni li qed issir fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.

Illejla jintlaħaq il-qofol ta' kampanja elettorali interna li ilha għaddeja għal dawn l-aħħar ġimgħat sabiex jiġi magħżul id-deputat mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista.

L-elezzjoni tal-lejla se tkun qed tagħlaq fit-8:00 bir-riżultat mistenni joħroġ ftit tal-ħin wara. Minkejja dan, mhux mistenni li jkun hemm kandidat li jaqbeż il-50% tal-voti, u għaldaqstant ikollha ssir l-elezzjoni oħra għada bejn iż-żewġ kandidati li l-aktar ġabu voti.

Matul il-ġurnata tal-bieraħ, is-sit illum.com.mt seta' jinnota li l-kandidati huma ottimisti f'din it-tellieqa. Il-kandidat Chris Cardona u t-tim tiegħu mal-illum.com.mt esprimew kunfidenza li r-riżultat se jkun tajjeb, għaliex ħassew li  l-miri tal-kampanja li saret, intlaħqu.

F’kummenti ma' din il-gazzetta, il-kandidat Stefan Zrinzo Azzopardi kien kunfidenti u fakkar li din kienet it-tielet kampanja tiegħu mad-delegati tal-Partit Laburista. Il-kandidat qal li ma ħassx li kellu jagħmel kampanja fuq il-media għaliex l-elezzjoni kienet waħda interna u kellu jaħdem iktar mad-delegati direttament.

Min-naħa tiegħu, nies qrib tal-kandidat Owen Bonnici wkoll sostnew l-ottimiżmu f'din l-elezzjoni, iktar u iktar meta jidher li fl-aħħar ġimgħa kien hemm żieda tas-sapport tad-delegati lejh.

More in Politika