L-armonizzazzjoni tat-tassazzjoni hija ta’ theddida għall-kompetittivita` tal-pajjiżi ż-żgħar tal-Unjoni Ewropea. Dan qalu Alfred Sant meta spjega għala kien se jivvota kontra rapport dwar prattiċi li tkun evitata l-ħlas tat-taxxa fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu. Sant qal li l-kontroll tal-politika tat-tassazzjoni tal-istati membri hija l-unika għodda li fadlilhom il-pajjiżi fuq il-periferija tal-Ewropa biex jibqgħu flessibbli għal skopijiet kummerċjali.
“Il-vot tiegħi huwa kontra bħalma għamilt diġà fuq voti simili fix-xhur li għaddew. Nifhem il-bżonn li jkunu kontrollati il-prattiċi ta’ evażjoni tat-taxxa minn individwi u kumpaniji, żgħar u kbar, kif żvelaw il-‘Luxleaks’ u l-‘Panama Papers’”.
Alfred Sant qal li jappoġġja l-miżuri li jżidu t-trasparenza fit-tassazzjoni. Imma dawn il-miżuri m’għandhomx jispiċċaw biex ikissru s-sovranità tal-istati membri tal-UE fuq is-sistemi tat-taxxi tagħhom.
“Fil-fehma tiegħi l-miżuri msemmija f’dan ir-rapport jiftħu l-bibien beraħ għal miżuri li jdaħħlu l-armonizzazzjoni tat-taxxi fl-Unjoni Ewropea. Ma nistax naqbel għax dan ikompli jkabbar id-diverġenzi li dejjem qed jikbru bejn l-ekonomiji tal-Ewropa ċentrali u l-ekonomiji tal-pajjiżi fuq il-periferija tal-Ewropa. Il-politika tat-tassazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi ż-żgħar hija l-unika għodda li fadlilhom biex iżommu l-flessibilità għal skopijiet kummerċjali. Dawn il-pajjiżi diġà batew għax ċedew il-protezzjoni tad-dwana, il-flessibilita` tal-budget pubbliku, it-twaqqif tal-VAT u s-sisa, il-politika tal-għajnuna tal-istat, ir-rata tal-kambju. Miżuri lejn l-armonizzazzjoni tat-taxxi fuq dħul uprofitti ikomplu jheddu il-kompetittivita` ta’ dawn il-pajjiżi.” stqarr Sant.
Ir-rapport ġie approvat b’486 favur, 88 kontra u 103 astensjonijiet.