Fi stqarrija L-Air Malta ċaħdet dawk li sejħet allegazzjonijiet hekk kif f'sezzjoni tal-midja l-President tal-ALPA Dominic Azzopardi kien kkwotat jgħid li l-ALPA trid tkun taf fejn qed imorru €200 miljun fi dħul. "Xi wħud mhux qed jħallsu għas-servizz li qed jieħdu. L-ajruplani huma dejjem mimlija bil-merkanzija. Fejn qed jmorru l-flus?" staqsa Azzopardi.
L-Air Malta intant ċaħdet dawn l-allegazzjonijiet, li huma totalment infondati u "li huma maħsuba biss biex jħammġu r-reputazzjoni tal-Bord tad-Diretturi, il-Management u l-impjegati leali tal-Air Malta. Il-linja tal-ajru tħoss li dawn huma allegazzjonijiet serji dwar qasam tal-merkanzija u titlob lil Azzopardi li pubblikament minnufih jirtira jew jissostanzja dawn l-allegazzjonijiet b‘fatti rilevanti fi żmien 24 siegħa. Fin-nuqqas ta' dan azzjoni legali se tittieħed kontrih."