Il-kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil waqt konferenza stampa dalgħodu, tenna li jinsab urtat li xi ġurnalisti daħlu fl-uffiċċju ta' Toni Bezzina fil-ministeru tat-Trasport, sabiex jiksbu aktar informazzjoni dwar l-appell li Bezzina għamel għas-sentenza tal-Qorti li nqatgħet kontrih aktar kmieni din il-ġimgħa.
Fid-dawl tar-rifjut li jieħu azzjoni kontra Bezzina, Busuttil ġie dalgħodu mistoqsi minn ġurnalisti jekk hux qed ikun politiku tad-double standards, peress li hu ilu żmien jitlob ir-riżenja ta’ bosta politiċi min-naħa tal-Gvern u issa mhux jaġixxi fil-konfront ta’ Bezzina. Busuttil sostna li dan mhux każ ta' double standards u reġa' dawwar il-kliem fuq il-każ ta' Samuel Azzoparadi bħala eżempju ta' governanza serja min-naħa tal- PN.
Ilbieraħ, Simon Busuttil, iddikjara li Toni Bezzina m'għandux bżonn jissospendi lili nnifsu, u li ser jistenna l-appell ta' Bezzina, dwar żewg każi ta' defamazzjoni kontrih.
Iż-żewg każi, jmorru lura għall- 2012, meta l-Partit Laburista talab li tittieħed azzjoni kontra Bezzina, wara li l-Qorti sabitu ħati li kien qabbad xi ħaddiema tal-Gvern jagħmlu xogħlijiet fil-każin Nazzjonalista taż-Żurrieq.
Busuttil tenna li s-sospensjoni ta' Bezzina mhux neċessarja minħabba li huwa ċari li l-ħaddiema li xehdu fil-każ tad-defamazzjoni kontih, kienu biddlu l-verżjoni oriġinali tagħhom bill iffirmaw affidavit ġdid fil-kwartieri tal-Partit Laburista.
Il-ħaddiema involuti, tennew li meta ġara l-każ huma kienu ġew imġiegħla jiffirmaw affidavit li huma kienu għamlu x-xogħlijiet fuq bażi volontarja u fil-ħin liberu tagħhom.
Bezzina, kien dejjem ċaħad kollox u fetaħ żewg kawżi ta' libell kontra l-ġurnali li esponew il-każ; kawżi li Bezzina tilef.