Magħfusin f'morsa bejn pagi staġnati u prezzijiet jogħlew

Hekk isostni l-Partit Nazzjonalista wara l-aħħar ċifri dwar l-għoli tal-ħajja

Ix-xirja għoliet. Id-dawl u l-ilma raħsu
Ix-xirja għoliet. Id-dawl u l-ilma raħsu

Skont l-aħħar statistika li ħareġ l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika għal-Mejju 2016, pajjiżna esperjenza żieda fil-prezzijiet fis-setturi tar-ristoranti u l-lukandi (0.47%), fis-settur tal-ikel u xorb mhux alkoħoliku (0.36%) u setturi tal-għamara u affarijiet tad-dar (0.24%). L-istess statistika turi kif globalment pajjiżna esperjenza żieda ta' 0.2% fl-inflazzjoni meta mqabbla max-xahar ta' qabel.

Minn naħa l-oħra, is-setturi li raw tnaqqis fl-inflazzjoni annwali kienu dawk tad-divertiment (-0.29%), transport (-0.24%) u dawk tal-ħwejjeġ u żraben (-0.06%).

F'reazzjoni, il-Partit Nazzjonalista irrimarka kif Malta qed tbati t-tieni l-ogħla rata tal-għoli tal-ħajja fl-Unjoni Ewropea u ppunta subajħ lejn il-Gvern Malti għax skont hu "m’għaddiex ir-roħs fil-prezz internazzjonali taż-żejt lill-familji u lin-negozji."

"Iċ-ċifri tal-Eurostat juru li, waqt li l-familji u n-negozji fil-bqija tal-pajjiżi tal- Unjoni Ewropea gawdew mill-waqgħa fil-prezzijiet internazzjonali taż-żejt għax il-gvernijiet tagħhom għaddewlhom ir-roħs fiż-żejt, il-Gvern Malti żamm ir-roħs fil-prezz internazzjonali taż-żejt għalih u għadu qed jiċċarġja lill-familji u lin-negozji prezzijet għoljin tal-enerġija. Iċ-ċifri tal-Eurostat juru li l-familji u n-negozji fil-bqija tal-Unjoni Ewropea fl- aħħar sena gawdew roħs ta’ 8% fil-prezzijiet tal-enerġija. Imma f’Malta, il- familji u n-negozji baqgħu jbatu prezzijiet għoljin tal-enerġija." iddikjara l-PN.

"Dawn iċ-ċifri jkomplu jikkonfermaw l-għafsa li qed ibatu l-familji fil-morsa ta’ pagi jistaġnaw min-naħa l-waħda u prezzijiet tal-prodotti essenzjali jogħlew min-naħa l-oħra."

L-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista kkonkludiet b'riferenza magħmula għall-istudju tal-Caritas, li wera li min kien fil-faqar ftaqar aktar u dawk li kienu fix-xifer waqgħu fil-faqar.  Skont il-PN, familja bi dħul baxx fl-aħħar tliet snin żdidulha l-ispejjeż bi €800 fis-sena waqt li l-Gvern ta’ Joseph Muscat ta l-agħar żidiet fi 30 sena. 

More in Politika