Il-ġimgħa li ġejja, l-elettorat Britanniku se jieħu deċiżjoni ferm importanti li l-eżitu tagħħa jiddetermina l-futur tar-Renju Unit kollhu, u probabbli anke dak politiku u finanzjarju tal-bqija tal-Ewropa.
Dan is-sit tkellem ma l-avukat u opinjonista Joe Ellis u l-Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew Peter Agius li taw l-opinjoni tagħhom dwar l-influwenzi li qed jeffetwaw l-elettorat, ir-raġunijiet favur u kontra t-tluq mill-UE u l-effetti li jista jħalli tluq fuq ir-Renju Unit, l-UE u l-pajjiżi l-oħra.
Jidher li kien hemm swing favur il-Brexit. Kemm taħseb li dan l-iswing se jkun sostnut u fil-fatt iwassal għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE?
“Bosta stħarriġ tal-opinjoni qed ipoġġi lil min irid jitlaq fil-vantaġġ bħalissa” isostni Ellis, li jaħseb li l-kamp ta' min irid jitlaq mill-UE akkwista ħafna momentum f'dawn l-aħħar ġimgħat, speċjalment minn mindu d-dibattitu pubbliku spiċċa jiffoka fuq l-immigrazzjoni.
Bosta stħarriġ tal-opinjoni qed ipoġġi lil min irid jitlaq fil-vantaġġ bħalissa
Joseph Ellis
Peter Agius minn naħa l-oħra jaħseb li l-polls huma volatili ferm, minħabba li l-elettorat Ingliż qed jiġi ppreżentat b’żewg stampi kuntrastanti.
“Wieħed jista’ jinnota li filwaqt li l-maġġoranza tal-media popolari hija favur Brexit, il-mexxejja tal-partiti politiċi kollha ħlief wieħed huma favur li jibqgħu membri ta’ l-UE” tenna Agius, li ħareġ b’punt validu li l-elettur inħolqitlu dilemma jekk jagħtix kas x’tgħid il-media jew jisma’ mill-opinjoni tal-politiċi.
Wieħed jista’ jinnota li filwaqt li l-maġġoranza tal-media popolari hija favur Brexit, il-mexxejja tal-partiti politiċi kollha ħlief wieħed huma favur li jibqgħu membri ta’ l-UE
Peter Agius
“Lil min se nemmen? lill-gazzetti jew lill-politiċi?”, temm jgħid Agius.
Punt validu ieħor li jista’ jeffetwa d-deċiżjoni, li nnota Ellis, huwa l-qtil tad-deputat Laburista Jo Cox, li kienet kontra l-Brexit. "F'moħħ u qalb l-elettorat, dan jista' jbiddel l-eżitu inċert tar-referendum".
L-immigrazzjoni jidher li kienet fattur kruċjali ta’ fejn kienet qed tmur l-opinjoni pubblika. Kemm taħseb li hu ġustifikat li d-dwejjaq ta’ ħafna Ingliżi fuq l-immigrazzjoni qed ikun direzzjonat lejn l-UE?
Fuq dan il-punt, naraw li kemm Joe Ellis u Peter Agius jaqblu li huwa assolutament bla ġustifikazzjoni li tiġi akkużata l-UE għall immigrazzjoni.
Peter Agius jirraġuna li r-Renju Unit mhux fiż-żona Schengen u għaldaqstant jibqgħu b’ kontroll sħiħ ta’ min jidħol fit-territorju tagħhom għal finijiet ta’ sigurta u immigrazzjoni. Ellis iżid jgħid li l-immigrazzjoni fir-Renju Unit hija bżonnjuża għall-fatt li hemm impjiegi li m'humiex sodisfatti bil-manodopera disponibbli.
“Dan qed jiġri fir-Renju Unit u anke f'pajjiżna” sostna Ellis. "Setturi kbar tal-ekonomija tar-Renju Unit fosthom l-Iskema Nazzjonali tas-Saħħa jiddependu fuq ħaddiema barranin."
Agius iżid jgħid li r-Renju Unit huwa pajjiż li għandu madwar żewġ miljun ċittadin tiegħu jgħixu fil-pajjiżi Ewropej, fosthom f’Malta u ċioe madwar l-istess figura ta’ persuni Ewropej li jgħixu fir-Renju Unit.
Ellis itemm l-argument billi jispejga li jekk ir-Renju Unit jagħżel li joħroġ mill-UE, u minflok jagħżel il-mudell Norveġiż, kif bosta minn dawk li jridu jitilqu mill-UE qed igħidu, żgur ikollu jaċċetta l-moviment ħieles tal-ħaddiema kif inhu fil-każ tan-Norveġja sabiex ikollu aċċess għas-suq uniku.
“Fl-aħħar mill-aħħar”, itemm Ellis, “Brexit u mhux Brexit, il-famuż plumber pollakk ser jibqa' jmur jaħdem fir-Renju Unit jekk hemm xogħol għalih.”
Hawn min qed jitkellem dwar ‘kastigi’ fil-każ ta’ Brexit. Kemm taħseb li dan huwa ġust u kif tara li l-UE tista tirritalja biex dak li jkunu għamlu l-Ingliżi ma jagħmlux ħaddieħor?
“Kastig kelma kerha”, jibda l-argument tiegħu Agius, iżda jkompli bill jisħaq li “huwa evidenti li fi- każ ta’ Brexit, ir-reazzjoni tal-UE fil-konfront tar-Renju Unit se tiddetermina l-messaġġ li jintbgħat lill-pajjiżi l-oħra u lill-partiti radikali li qed jinbtu kullimkien madwar l-Unjoni.”
Minn naħa l-oħra Ellis isostni li "il-kastigi fuq ir-Renju Unit jistgħu jitqiesu bħala att ta' mażokiżmu da parti tar-Renju Unit stess.”
Agius iżid jgħid li “Huwa evidenti li bi ‘kważi sħubija’ bil-benefiċċji, iżda mingħajr l-iżvantaġġi, dan idgħajjef bi kbir l-istess valur tas-sħubija sħiħa.”
Skond statistika kkwotata minn Ellis, il-Fond Monetarju Internazzjonali qed jipprevedi illi fil-każ ta' Brexit, il-Prodott Gross Domestiku tar-Renju Unit jinżel b'5.5% sal-2019; b'1.5% jekk jiġi adottat il-mudell norveġiż.
“Huwa żgur li l-inċertezza li toħloq Brexit se tħalli effett negattiv fuq l-ekonomija tar-Renju Unit”, jikkonkludi Ellis.
(Aqra aktar dwar ir-referendum fir-Renju Unit f'analiżi u opinjonijiet għada fil-ħarġa tal-gazzetta ILLUM)