'M'inix konvint li hemm maġġoranza favur il-Brexit'
L-MPE Alfred Sant mal-illum.com.mt dwar l-immigrazzjoni, 'kastigi' u l-Brexit
More in Politika
L-MPE Alfred Sant mal-illum.com.mt dwar l-immigrazzjoni, 'kastigi' u l-Brexit
Il-gazzetta ILLUM staqsiet numru ta' mistoqsijiet lill-MPE Malti Alfred Sant dwar ir-referendum ta' nhar il-Ħamis li ġej fir-Renju Unit
Jidher li kien hemm swing favur Brexit. Kemm taħseb li dan l-iswing se jkun sostnut u fil-fatt iwassal għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE?
Ma nistax naqra l-futur imma jidher li d-deċiżjoni dwar jekk ir-Renju Unit hux se jibqa’ jew joħroġ fl-Unjoni Ewropea se tkun meħuda b’maġġoranza ċkejkna. Ir-rankatura favur Brexit li rajna dan l-aħħar naħseb li se tibqa’ sal-aħħar; m’iniex konvint li hi maġġoritarja madankollu.
L-immigrazzjoni jidher li kienet fattur kruċjali ta’ fejn kienet qed tmur l-opinjoni pubblika. Kemm taħseb li hu ġustifikat li d-dwejjaq ta’ ħafna Ingliżi fuq l-immigrazzjoni qed ikun direzzjonat lejn l-UE?
Fil-politika, ftit jiswa jekk ħaġa tkunx ġustifikata jew le. Jekk il-poplu jħoss li hi ġustifikata, il-problema trid tiġi ffaċċjata. L-immigrazzjoni qed tinħass minn ħafna nies bħala l-aktar ħaġa li turi x’sejjer ħażin f’ħajjithom: bidliet fis-soċjetà li ma jistgħux jikkontrollaw u li qed iwasslu għal tnaqqis fil-kwalità tal-ħajja, qgħad, awsterità eċċ. Il-globalizzazzjoni skont politika neo-liberali hi l-pedament ta’ dan kollu u l-Unjoni Ewropea tidher bħala aġent tal-globalizzazzjoni għax tibdel il-qafas tat-tmexxija minn wieħed nazzjonali għal wieħed kontinentali.
Hawn min qed jitkellem dwar ‘kastigi’ fil-każ ta’ Brexit. Kemm taħseb li dan huwa ġust u kif tara li l-UE tista’ tirritalja biex dak li jkunu għamlu l-Ingliżi ma jagħmlux ħaddieħor?
Fil-każ li jgħaddi Brexit, mhux se tkun kwistjoni ta’ x’inhu ġust jew le, imma ta’ x’jaqbel jew le. L-UE u r-Renju Unit m’għandhom l-ebda interess li jikkonfrontaw lil xulxin. Wara d-dwejjaq tal-bidu, in-negozjati nistħajjel li jfittxu soluzzjoni bħal dik tan-Norveġja, li għandha access sħiħ għas-suq wieħed Ewropew imma tħallas għal dan l-aċċess. Kumplikazzjoni tqum jekk il-Brittaniċi jkunu jridu jżommu kontroll sħiħ fuq il-moviment tal-persuni bejn is-suq wieħed Ewropew u pajjiżhom. Bħalma ġara meta l-Iżvizzeri vvutaw biex jirrestrinġu l-movement tal-persuni, l-UE ssibha diffiċli ħafna li taċċetta ħaġa bħal din.