Wara ġimgħa sħiħa ta’ azzjoni diretta mwettqa’ mill-Awtorità tal-Ippjanar, il-ġerħa li matul is-snin kerħet iż-żona fil-kampanja magħrufa bħala x-Xerriek, limiti ta’ Birżebbuġa, tneħħiet u ż-żona ġiet lura għall-istat oriġinali tagħha.
Bl-għajnuna tad-dipartiment tax-xogħlijiet u l-Infrastruttura kif ukoll tad-Direttorat għat-Tindif, it-tim tal-azzjoni diretta fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar, neħħew, minn żewġ skreppjards illegali biswit xulxin li kienu jkopru medda ta’ art ta’ kważi 10,000 metru kwardu, aktar minn 400 trakk b'tagħbija ta' karozzi skreppjati, trakkijiet, white goods, tajers u materjal mħallat.
L-azzjoni diretta saret possibbli wara li f’April li għadda, l-Qrati ċaħdu t-talba ta’ inibizzjoni magħmulha mill-avukat tas-sid responsabbli fejn kien waqqfu lill-Awtorità milli tkompli xogħlha fuq iż-żewġ skreppjards. L-Awtorità, segwiet din l-azzjoni, wara li l-partijiet interessati ma segwewx il-ftehim li kien intlaħaq bejnhom u bejn l-Awtorità matul dawn l-aħħar sentejn. Il-ftehim kien joffri l-opportunità lis-sidien biex inneħħu l-materjal li kien ġie ddepożitat illegalment, f'fażijiet minħabba d-daqs tas-sit.L-ispejjeż relatati ma' din l-operazzjoni ta’ azzjoni diretta se jiġu mħallsa mill-persuni li wettqu l-illegalita’
Id-Direttorat tal-Infurzar fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar kien ukoll assistit minn uffiċjali ta’ Trasport Malta, tal-Animal Welfare u l-membri mit-taqsima tal-Administrative Law Enforcement kif ukoll tar-Rapid Intervention Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.
Matul il-jiem li għaddew, l-Awtorità tal-Ippjanar għamlet ukoll azzjoni ta' infurzar, billi għalqet u ssiġġillat sit fil-Gżira li beda jopera bħala restorant mingħajr permess minflok dak approvat għall-parkeġġ.