Fid-dawl tar-riżultat tar-referendum fir-Renju Unit, li ġab maġġoranza ta' 51.9% favur it-tluq mill-Unjoni Ewropeja, il-kapijiet tal-partit politiċi Maltin esprimew diżappunt u dispjaċir, filwaqt li wissew dwar il-konsegwenzi kbar li se jħalli dan ir-riżultat, mhux biss fir-Renju Unit, iżda fl-UE kollha.
Il-Prim Minsitru sejjaħ laqgħa tal-Kabinett, li mistennija tkun waħda twila, fejn fiha se jiġu diskussi l-effetti li r-riżultat tal-BREXIT se jħalli fuq Malta. Joseph Muscat qal “se nkunu qed nieħdu kull opportunità biex inġibu x-xogħol lejn Malta u m’hemmx dubju li issa iktar minn qatt qabel hemm bżonn li naħdmu id f’id mill-aspett ekonomiku”
Minn naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, sejjaħ laqgħa tal-ġrupp parlamentari biex jiddiskutu u jaħdmu flimkien fuq dak li huwa sejjaħ "żmien ta' inċertezza".
Fi stqarrjia separata' tal-Alternattiva Demokratika, Arnold Cassola ukoll wera d-diżappunt tiegħu dwar din id-deċiżżjoni u saħaq li "huwa ovvju li issa nistennew impatti politiċi fl-Ewropa kollha u li Malta għandha tipprepara ruħha għal konsegwenzi ekonomiċi negattivi li jista' jkun li jkollha tiffaċja." Cassola temm jgħid li "d-devalwazzjoni tal-isterlina jista' jkollha wkoll konsegwenza negattiva fuq it-turiżmu mir-Renju Unit."