Il-Grupp Sadeen għamel dik li tista' titqies bħala 'rebħa' hekk kif l-istituzzjoni edukattiva li se tkun qed tinfetaħ fiż-żona taż-Żonqor f'Marsaskala u f'Bormla, ngħatat l-istatus ta' 'Università'. Dan tħabbar dalgħodu minn Martin Scicluna f'isem il-Kummissjoni Nazzjonali għal Edukazzjoni Għola (NCFHE) wara skrutinju li dam għaddej 14-il xahar.
L-Università Amerikana ta' Malta (AUM) irnexxiela tgħaddi mit-test hekk kif daħlet fi sħubija ma' Clemson University ta' South Carolina u d-De Paul University ta' Chicago. Dik tal-ewwel se tgħin biex l-AUM tiddisinja l-korsijiet universtarji, filwaqt li se tkun qed tmexxi awditjar kull sena tal-AUM, bil-parametri tal-istess awditjar ifformulati mill-Kummissjoni stess.