L-Ewtanasja fuq l-aġenda tal-Parlament

'Se ngħix sakemm nista', però meta s-sitwazzjoni tiġi f'punt li ma nistax ngħix bid-dinjità, nikkommetti suwiċidju'

Il-Kumitat tal-Affarijiet tal-Familja fi ħdan il-Parlament se jkun qed jiddiskuti l-kwistjoni tal-ewtanasja. Dan meta Joe Magro, li huwa persuna li jbati mill-kundizzjoni tal-ALS se jkun qed jitkellem quddiem dan il-kumitat dwar il-każ tiegħu u għalfejn jemmen li għandha tiddaħħal l-ewtanasja f'pajjiżna.

Hu se jkun qed jindirizza dan il-kumitat wara li għamel talba li din il-kwistjoni tiġi indirizzata u diskussa fuq livell ta' Parlament.

Il-whip Laburista Godfrey Farrugia qal li l-għan ta' din il-laqgħa hi li jinstema' l-każ ta' persuna privata u tiġi kkunsidrata l-opinjoni tiegħu dwar it-terminazzjoni tal-ħajja b'mod assistit. Farrugia kompla jgħid li jixtieq li din il-kwistjoni tinġieb ukoll quddiem il-kumitati tas-Saħħa u l-Affarijiet Soċjali u tal-Familja. meta jerġa' jiftaħ il-Parlament wara l-vaganzi tas-sajf.

Id-dibattitu dwar l-ewtanasja tqajjem b'mod qawwi meta l-gazzetta MaltaToday kienet intervistat lil Joe Magro fi Frar li għadda.

Magro nstab li kien qed ibati mill-ALS sena ilu, u kien sostna li ma jridx li jkun piż fuq ħaddieħor. " Ma rridx li niddependi fuq il-familja biex niekol, nixrob, ninħasel jew sempliċiment immur sal-kamra tal-banju." Żied jgħid li "se ngħix sakemm nista', però meta s-sitwazzjoni tiġi f'punt li ma nistax ngħix bid-dinjità, nikkommetti suwiċidju," kien sostna Magro fl-intervista ma' MaltaToday.

Magro esprima ruħu sodisfatt bil-fatt li din il-kwistjoni tal-ewtanasja se tittella' għad-diskussjoni fil-Parlament, waħqt li saħaq biex l-ewtanasja tkun tista' tiddaħħal mingħajr dewmien.

More in Politika