Jidher li l-aktar forma ta’ riklamar popolari għal dawk li qed ifittxu l-ħaddiema huwa permezz tal-kelma. Ma tiswiex flus u tista tkun l-aktar forma ta' riklamar effettiva, tal-anqas hekk jaħsbu numru ta' persuni u kumpaniji lokali li ħadu sehem f'riċerka li saret mill-Kummissjoni għall-Edukazzjoni Ogħla, Jobsplus u Malta Enterprise u li kienet ippublikata llum.
Kważi 21% ta’ dawk li pparteċipaw qalu li huma jimlew il-postijiet tax-xogħol billi jxerrdu l-kelma. Il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC) tibqa’ wkoll fost il-mezzi l-aktar favoriti b'20% ta’ dawk li pparteċipaw, jgħidu li jirriklamaw l-impjiegi li jkollhom bżonn permezz ta' notifiki li tibgħat l-ETC.
Jibqgħu popolari wkoll, anke jekk mhux b'sorpriża, s-siti soċjali bħal Facebook u Twitter u Linkedin. Il-gazzetti u mezzi aktar konvenzjonali jibqgħu popolari għalkemm inqas minn dawk msemmijin diġa. B’kollox kienu 15% li għamlu użu minn dan il-mezz biex jimlew il-postijiet tax-xogħol, filwaqt li 14.3% jagħmlu sejħa interna u 8.6% jużaw aġenziji tar-reklutaġġ.