Fl-isptar Mater Dei llum ġie uffiċjlament inawgurat dipartiment ġdid b’14-il klinika li jara medja ta’ 60 pazjent kuljum qabel ma ssirilhom operazzjoni.F’dan id-dipartiment pazjent isirulu t-testijiet kollha neċessarji qabel ma jagħmel intervent kirurġiku.
"Qabel pazjent kien jiddaħħal l-isptar ġurnata qabel l-operazzjoni għal dawn it-testijiet, issa permezz ta’ dan id-dipartiment mhux biss sar hemm inqas skariġġ għall-pazjent imma hemm ukoll iżjed effiċjenza fl-isptar,” qal il-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne.
Il-Ministru Fearne qal li l-ammont ta’ operazzjonijiet li jsiru kull sena qiegħed dejjem jiżdied, fil-fatt is-sena li għaddiet saru ’l fuq minn 60,000 operazzjoni b’aktar minn 53,000 jsiru fl-Isptar Mater Dei. “Din is-sena diġà żidna l-operazzjonijiet b’6% meta mqabbel mal-istess perijodu s-sena ta’ qabel,” qal Fearne.
Il-Ministru rringrazzja lill-istaff kollu tal-POAC li fi żmien qasir għamlu minn dan id-dipartiment suċċess.