Waqt il-programm 'Għandi xi Ngħid' fuq Radju Malta, il-Prim Ministru Joseph Muscat irrikonoxxa l-preokupazzjonijiet li jista’ jkun hemm dwar il-linja nazzjonali tal-ajru Airmalta, speċjalment tal-unions, għalkemm fakkar illi din il-preokupazzjoni kienet dejjem hemm anke f’privatizazzjonijiet oħrajn.
Waqt il-programm immexxi minn Andrew Azzopardi, Muscat ċaħad bil-qawwa kollha illi l-Gvern b’xi mod qiegħed jipprova jwaqqaf id-dritt li xi ħadd jagħmel strajk, b’riferenza għall-mandat ta' inibizzjoni fil-konfront tal-ALPA u għamilha ċara li dak li ried il-Gvern huwa li kull azzjoni ma tkunx sproporzjonata. “Għamel protesta dwar żieda fil-paga mela, imma mhux strajk li jaf iġib kumpanija għarkupptejha,” sostna Muscat.
B’ton pjuttost affermattiv Muscat għamilha ċara li hu mhux se jmur jittallab lill-Alitalia biex jixtru l-ishma tal-Airmalta. “Se nqabblu fejn jaqblilna u jekk ma jkunx jaqblilna mmorru nfittxu sieħeb ieħor. Mhux se nkun ostaġġ tal-arloġġ u tal-ħin,” sostna Muscat.
Il-Prim Minstru indika li d-diskussjonijiet bħalissa, mal-Alitalia huma “b’saħħithom” u indika li d-deċiżjonijiet “se jittieħdu fil-futur qrib.”
Intant Muscat tkellem ukoll dwar is-suċċessi ekonomiċi li qed tikseb Malta bħalissa, il-qagħda finanzjarja aħjar u l-proġetti tat-toroq li beda l-Gvern, fosthom tal-Kappara. Huwa tkellem ukoll dwar l-aċċidenti tat-traffiku li seħħew dan l-aħħar.