Illum il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne inawgura angio suite ġdida fid-Dipartiment tal-Medical Imaging fl-Isptar Mater Dei. Dan kien possibbli wara investiment ta’ €1.9 miljun biex tinxtara din il-magna li ġiet parzjalment iffinanzjata minn fondi Ewropej.
Permezz ta’ din il-magna sofistikata l-arterji u l-vini tal-ġisem ikunu jistgħu jidhru b’mod 3D, u b’hekk tiffaċilita x-xogħol tar-radjoloġisti kif ukoll tagħmel id-dijanjożi aktar preċiża. Permezz ta’ din l-angio suite jistgħu jsiru wkoll interventi speċifiċi li qabel ma kinux jsiru.
Il-Ministru Fearne qal li dan ma kienx l-uniku investiment f’dan id-dipartiment matul din is-sena; fil-fatt, fl-aħħar ġimgħat, bdiet tintuża wkoll CT scan ġdida b’valur ta’ €1.5 miljun.
“Dan apparti li nbidlu numru ta’ magni tal-ultrasound. Matul din is-sena biss, f’dan id-dipartiment investejna €4 miljuni. Id-Dipartiment tal-Medical Imaging huwa wieħed importanti fejn isiru numru kbir ta’ testijiet u interventi kuljum. Fil-fatt ta’ kuljum jgħaddu minn dan id-dipartiment medja ta’ 600 pazjent,” qal il-Ministru Fearne.
Il-Ministru żied jgħid illi f’dawn l-aħħar ġranet ħarġet sejħa għal tliet konsulenti mediċi oħra għal dan id-dipartiment.