Is-CEO il-ġdid għall-Public Broadcasting Services, John Bundy rċieva l-appoġġ ta' nofs il-membri tal-bord tal-PBS għall-ħatra tiegħu, hekk kif in-nofs l-ieħor għażlu li jastjenu jew jivvutaw kontra, f'kariga li kienet qed tiġi preżentata bħala magħżula diġà.
Il-gazzetta Times of Malta tirraporta kif jista' jkun hemm xi riżenji mill-bord tal-PBS wara l-ħatra ta' Bundy, waqt li sorsi li tkellmu magħhom qalu li matul il-laqgħa ta' nhar l-Erbgħa li għadda, diversi membri tal-bord riedu juru li huma ma kinux hemm sempliċiment biex jgħidu iva għal deċiżjonijiet li jkunu diġà meħuda mill-Gvern.
Kien hemm oġġezzjonijiet dwar il-mod ta' kif waslet din il-ħatra u kif ingħażel ix-xandar veteran, John Bundy. Hemmhekk, allegaw li "Bundy ġie magħżul direttament mill-Ministeru tal-Kultura u l-membri tal-bord lanqas kellhom l-opportunità li jagħmlulu interview jew tal-inqas ingħataw xi tip ta' informazzjoni rigward il-kariga tiegħu u t-termini ta' impjieg," komplew jgħidu s-sorsi mal-gazzetta, filwaqt li żiedu jallegaw li minkejja li Bundy kapaċi huwa xorta waħda l-aħjar persuna għal din il-kariga, il-proċess ma kellux biżżejjed trasparenza u kellu jkun ibbażat fuq il-meritokrazija.
Fl-istess waqt, żiedu jgħidu li ma jifhmux għalfejn ġiet maħluqa l-kariga ta' deputat CEO meta din qabel ma kinetx teżisti.