Apparat li permezz tiegħu tkun tista’ ssir navigazzjoni aktar preċiża fil-moħħ

Brain Lab – investiment ġdid għall-operazzjonijiet delikati

Illum il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u l-kirurgu Ludvig Zrinzo nedew apparat ġdid għall-Isptar Mater Dei li qiegħed jagħmel differenza kbira għall-pazjenti li jkollhom kanċer f’rashom.

Il-Brain Lab huwa apparat li permezz tiegħu tkun tista’ ssir navigazzjoni aktar preċiża fil-moħħ, biex b’hekk ikun hemm ferm inqas riskju għall-pazjent, u l-kirurgu ma jkollux għalfejn jiftaħ parti kbira mir-ras biex issir l-operazzjoni. Dan kollu jwassal biex il-pazjent ikollu ċans ferm inqas ta’ kumplikazzjonijiet.

Il-Ministru Fearne qal li l-Brain Lab huwa investiment ta’ €350,000. “Din il-magna tagħmel affarijiet tal-fantaxjenza fejn permezz tagħha tumur ikun jista’ jitneħħa mir-ras bl-inqas ħsara possibbli u bl-inqas konsegwenzi possibbli,” qal il-Ministru Fearne.

Il-Ministru Fearne rringrazzja lill-kirurgu rinomat Ludvig Zrinzo li huwa wieħed mill-kirurgi Maltin li jagħmel ġieħ lil qasam mediku Malti barra minn xtutna.

Ludvig Zrinzo qal li hu kien jopera  pazjenti Maltin fi sptar f’Londra fejn jaħdem. “Illum permezz ta’ dan l-investiment dawn l-operazzjonijiet qegħdin isiru f’pajjiżna stess,” qal Zrinzo.

Dan huwa wkoll ta’ benefiċċju għall-pazjent li ma jkollux jgħaddi mill-iskariċċ li jitla’ Londra għal dan l-intervent u jkun jista’ jibqa’ Malta miġbur ma’ familtu f’mument tant delikat.

More in Politika