Il-GRTU takkuża l-gwardjani lokali b’nuqqas ta’ sensittività lejn il-ħaddiema

‘L-għan tal-gwardjani lokali għandu jkun għall-servizz aħjar lejn il-komunità u mhux biex jagħtu aktar multi' - GRTU

Il-GRTU takkuża l-Gwardjani Lokali b'nuqqas ta' sensittività lejn il-ħaddiema
Il-GRTU takkuża l-Gwardjani Lokali b'nuqqas ta' sensittività lejn il-ħaddiema

Il-GRTU qegħda ssejjaħ għal reviżjoni urġenti tas-sistema ta’ nfurzar lokali. Minkejja tibdilietl i saru fil-liġi fl-2014 wara numru ta’ konsultazzjonijiet, il-GRTU ssostni li l-sitwazzjoni ma nbidlitx.

Dan huwa risfless fin-nuqqas ta’ sensittività lejn dawk il-ħaddiema li jagħmlu xogħolijiet fit-triq bit-trasport ta’ nies u oġġetti, fost oħrajn. Il-produttività diġà hija effetwatà bl-ammont esaġerat ta’ traffiku u nuqqas ta’ spazji għall-parkeġġ. Multi eċċessivi jitfgħu biss is-sitwazzjoni għall-agħar minflok jgħinuha.

Il-ħajja tax-xufiera ta’ vannijiet u taxis li jridu dejjem jiġġieldu mal-ħin u t-traffiku sabiex iwasslu l-passiġġieri tagħhom fil-ħin, kif ukoll dawk il-ħaddiema li jkunu qed iqassmu prodotti fi ħwienet u mħażen diġà mhux faċli kif inhi, ssostni l-GRTU. Il-gwardjani lokali għandhom ikunu hemm biex jgħinu u mhux biex jabbużaw mis-sistema ta’ traffiku u parkeġġ sabiex jagħtu multi bla sens.

Filwaqt li l-abbuż tal-parkeġġ għandu jiġi kkontrollat, saħqet il-GRTU, in-nuqqas ta’ spazji għall-parkeġġ m’għandux ikun mod kif il-gwardjani lokali jabbużżaw sabiex joħroġu aktar multi.

L-assoċjazzjoni tat-Turiżmu t’Għawdex (GTA) u l-Gozo Business chamber (GBC), aktar kmieni din il-ġimgħa akkużaw lill-Gwardjani Lokali li ħadu ‘deċiżżjoniet irrazzjonali’ matul il-weekend ta’ Santa Marija f’Għawdex.

Huma saħqu li l-impatt negattiv li jħallu dawn id-deċiżżjonijiet fuq it-turiżmu u l-kompetittività għandu jiġi kkunsidrat. L-għotja eċċessiva ta’ multi waqt l-aktar ġranet bieżlin għat-turiżmu Għawdxi, wriet nuqqas qawwi ta’ sensittività.

Il-GRTU laqgħet bi pjaċir il-proposti li għamlu Transport Malta lejn strateġija nazzjonali dwar it-trasport, li għalih, il-GRTU stess preżentat dokument bil-proposti tagħhom.

Il-GRTU tisħaq li filwaqt li l-abbuż m’għandux jiġi tollerat, il-gwardjani lokali għandhom jagħtu l-għajnuna tagħhom f’sitwazzjonijiet ta’ parkeġġ temporanju għall-ħatt ta’ passiġġieri jew prodotti, minflok jabbużaw mis-sitwazzjoni biex joħorġu l-multi.

Hemm bżonn li jkun hawn sistema fejn is-sewwieqa l-ġodda jiġu edukati u mwissija filwaqt li dawk li jiksru l-liġi b’mod frekwenti jiġu penalizzati. Loperatur għandu jinvesti fit-taħriġ tal-gwardjani sabiex ikollhom ħiliet ta’ komunikazzjoni aħjar biex minflok jagħtu l-multi biss, dawn jedukaw u jagħtu gwida lis-sewwieqa.

L-infurzar tal-liġijiet tat-traffiku m’għandux ikun meżż biex jinġabru l-flus biss, iżda struttura għall-edukazzjoni tas-sewwieqa li sservi biex ittejjeb is-sitwazzjoni preżenti. Il-GRTU temmet l-istqarrija tagħha billi qalet li “l-għan tal-gwardjani lokali għandu jkun għall-servizz aħjar lejn il-komunità u mhux biex jagħtu aktar multi.”

Din il-kwistjoni se tiġi preżentata uffiċjalment fil-proposti li l-GRTU se jressqu fil-budget li jmiss.

More in Politika