Studenti jitolbu li jkollhom futur aktar sostenibbli

Grupp ta' studenti mill-KSU u l-KPS urew it-tħassib tagħhom dwar il-permessi li ngħataw għall-bini għoli li se jkunu ta' detriment għall-ġenerazzjonijiet futuri

"Malta ġiet mgħoddija lilna minn ta qabilna. U bħalissa nħossu li aħna għandna d-dmir ngħaddu Malta aħjar lill ta' warajna..."

Waqt konferenza stampa u dimostrazzjoni li għamlu grupp ta' studenti mill-KSU u l-KPS f’tas-Sliema, huma saħqu li filwaqt li m’humiex kontra l-iżvilupp, bħala l-ġenerazzjoni li se tiret il-futur ta’ Malta, huma jixtiequ li jsir ‘Master Plan’ ħollistiku sabiex l-iżviluppi f’Malta jsiru b’mod sostenibbli.

L-istudenti taw is-suġġerimenti u l-ideat tagħhom għall-bidla li jixtiequ jaraw f'Malta f'temp ta' 10 jew 20 sena oħra, permezz ta’ masterplan li jista’ jintuża għal kwalunkew lokalità f’Malta fejn jiġi propost żvilupp, sabiex kull proġett ta’ skala kbira bħalma huma t-torrijiet f’tas-Sliema u fl-Imriehel, iżda mhux limitat għal dawk biss, isiru b’aktar ħsieb warajhom, u fuq kollox, b’rispett għall-ambjent u għar-residenti tal-madwar.

Etienne Buttigieg, il-kordinatur tal-KPS li mexxa l-konferenza stampa saħaq li "din hija l-bidla fid-direzzjoni li l-istudenti qed jotolbu għall futur ta' Malta."

Għad-dimostrazzjoni attendiet ukoll Marlene Farrugia, kap tal-Partit Demokratiku li qalet li kienet hemm biex tagħti s-sapport kollhu tagħha lill dawn l-istudenti peress li fl-aħħar mill-aħħar se jkunu huma li se jirtu l-effetti ta' dawn il-proġetti li jiġu approvati llum.

Farrugia saħqet li jeħtieġ li jsir 'Master Plan' b'mod studjat u strutturat li jkopri aspetti soċjali u ekononomici tal-pajjiż sabiex jirriflettu l-futur ukoll.

Farrugia, qablet mal-istudenti li filwaqt li il-progress huwa inevitabbli, dan għandu jsir bi ħsieb u b'rispett. Il-proġetti f'Tas-Sliema u l-Imrieħel għad għandhom nuqqas ta' pjanijiet ħollistiċi u strutturati fejn tidħol l-infrastruttura tat-trasport u l-immaniġġjar tad-dranaġġ, filwaqt li jrid isir għalihom pjan dettaljat dwar l-impatt li l-proġett se jħalli fuq ir-residenti tul iż-żmien tal-kostruzzjoni.

"Hemm bżonn ta' governanza tajba u politika li tittispetta l-ambjent u ċ-ċittadini," saħqu r-rappreżentanti għall-istudenti, "dan ifisser li l-ambjent kollhu, kemm tal-art u tal-baħar għandu jigi kunsidrat u rispettat."

"Aħna l-istudenti. Aħna dawk li se nirtu lill-Malta, u għalhekk qed nitolbu sabiex isir żvilupp sostenibbli għall-futur tagħna..."

More in Politika